fbpx

L-importanza tal-unions fit-tagħlim matul il-ħajja

 

“Il-unions illum iridu jisħqu fuq it-tagħlim matul il-ħajja u l-UĦM hi strumentali biex tħarreġ lill-ħaddiema bi dritt”. Dan  qalu James Calleja, id-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) f’laqgħa tal-Bord Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers li saret it-Tnejn 27 ta’ Frar 2017.

Dr. Calleja għamel preżentazzjoni dwar ir-rwol ta’ CEDEFOP u  t-taħriġ vokazzjonali. Hu saħaq, fost oħrajn, dwar  il-ħtieġa li l-European Credit Transfer System tkun tapplika mhux biss għall-Universita’ imma anki għall-kulleġġi.

Id-Direttur tas-CEDEFOP fisser il-bżonn li l-UĦM Voice of the Workers tisfrutta l-fondi Ewropej abbinati mat-taħriġ vokazzjonali.

James Calleja stqarr li l-pariri fl-għażla tal-karriera jistgħu jiġu mogħtija mill-unions u minn dawk midħla tal-industrija għax dawn jafu sewwasew x’nuqqasijiet hemm fis-suq tax-xogħol Malti.

Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers irrimarka, fost oħrajn, li l-union trid li bi qbil mal-imsieħba soċjali, ikun  hemm istitut speċjalizzat dwar it-taħriġ.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li s-settur edukattiv f’pajjiżna jeħtieġ bidla radikali għax hu ‘għajjien’. Hu stqarr  li hawn nuqqas ta’  motivazzjoni, partikularment, fost  l-għalliema għax ma jridux iħarrġu lilhom infushom.

Josef  Vella żied li min  iħaddem mhux qed isib  l-aħjar nies għal ċertu mpjiegi. Hu qal li m’għandniex biss inkejlu s-suċċess permezz taċ-ċertifikati imma naraw li ż-żgħażagħ ikunu mogħnija bil-ħiliet  bażiċi.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment