fbpx

Ftit wisq… Tard ħafna

Il-UĦM Voice of the Workers għada ser tipparteċipa għal-Protesta Nazzjonali dan minħabba l-fatt tal-avvenimenti ripetuti dawn l-aħħar xhur u snin fejn qed ikun hemm allegazzjonijiet serji  ta’ korruzzjoni.

Il-UĦM Voice of the Workers tinnota li, l-bogħod minn l-allegazzjonijiet li qeghdin isiru, jidher biċ-ċar li l-istituzzjonijiet ta pajjiżna inkarigati milli jinvestigaw tali allegazzjonijiet mhux qeghdin jerfgħu ir-responsabiltajiet tagħhom sabiex jagħtu sodisfazzjon lil poplu li xi ħadd qed jagħmel xi ħaġa. Huma mhux qed jassiguraw li jagħtu is-serħan tal-moħħ liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li dawn ta’ l-aħħar ikollhom moħħhom mistrieħ mill-imparzjalità u li tali azzjonijiet issiru kif suppost u issiru fil-ħin.

Tali fiduċja kollettiva ta’ nazzjon tidher li qegħda tixxejjen u li iżjed ma jmur iż-żmien qed tirrenja s-sentiment li l-liġi mhux għal kullħadd l-istess. Dan laħaq l-qofol tiegħu meta, nhar il-Ħamis, il-Kummissarju tal-Pulizija naqas milli jaġixxi, kif bid-dmiru kellu jagħmel, fuq avvenimenti ta’ tħassib li kienu qed jiġu segwiti minn nazzjon kollu. Dehret kbira d-djufija ta’ istituzzjoni bħal dik tal-Pulizija li ħalliet l-avvenimenti jiżvolġu mingħajr intervent f’waqtu.

F’dan l-isfond,  l-azzjoni kienet waħda ta’ ftit wisq u tard ħafna u b’hekk il-UĦM Voice of the Workers tistenna li l-Kummissarju tal-Pulizija jagħti r-riżenja tiegħu.

Għaldaqstant kull persuna inkarigata mit-tmexxija ta’ waħda mill-istituzzjonijiet li għanda l-għan li tissalvagwardja l-interessi tar-Repubblika ta’ Malta għandha iġġib quddiem għajnejha il-ġurament tal-lealtà  u jekk tħoss li m’għadhiex f’pożizzjoni li twettaq l-istess ġurament allura għandha twarrab mill-kariga. Dan l-isfond il-kap eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers is-sur Josef Vella kompla jgħid “Intom li qeghdin f’xi kariga u ħadtu il-ġurament tal-lealtà fejn tlabtu li Alla jgħinkhom fejn solennement ħliftu li tkunu fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta Malta, issa huwa l-waqt li tagħmlu dan.”

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment