Il-UĦM Voice of the Workers u l-kumpanija Consolidated Biscuit Co. Ltd. iffirmaw żewġ ftehim li permezz tagħhom il-ħaddiema ta’ żewġ taqsimiet fil-kumpanija se jgawdu minn titjib, mhux biss fis-salarji tagħhom, imma anki fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Mill-ftehim se jibbenefikaw dawk il-ħaddiema li jkunu fix-shop floor u li allura jipproduċu l-gallettini, il-galletti u s-savoury snacks. Innovazzjoni li ħarġet minn dan il-ftehim, kienet li fejn qabel kien hemm side agreement, din id-darba sar ftehim għal min jaħdem fis-Sales, fil-Merchandising u d-Delivery Persons.
Il-ħaddiema ta’ din il-kumpanija kienu ilhom jistennew li jibdew in-negozjati għall-ftehim kollettiv ġdid sa mis-sena li għaddiet. Iżda l-proċess kellu jieħu ż-żmien tiegħu sakemm intlaħaq ftehim bejn il-union, li tirrapreżenta l-ħaddiema, u l-management tal-kumpanija li twaqqfet fl-1982. Il-UĦM Voice of the Workers innegozjat u, fl-aħħar mill-aħħar, ġabet pakkett ta’ inċentivi li se jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Il-pakkett innegozjat ikopri żidiet garantiti fis-salarji għall-perijodu 2017-2019, somma ta’ arretrati inkluż ħlasijiet ta’ sahra li saret fl-2016, aktar laqgħat skedati u linji gwida dwar is-saħħa u s-sigurta’ u sistema ta’ breaks biex il-ħaddiema jgawdu mill-mistrieħ li jkun ħaqqhom.
Dwar il-laqgħat skedati u linji gwida fejn jidħlu problemi ta’ saħħa u s-sigurta’, tali laqgħat kienu qed isiru imma mhux b’mod regolari. Barra minn hekk ma kienx hemm żmien stabbilit fl-azzjoni li trid tittieħed fuq affarijiet li jinstabu neqsin. Il-UĦM Voice of the Workers ħasset li s-Saħħa u s-Sigurta’ jieħdu preċedenza fil-post tax-xogħol u tesiġi li jekk issib xi nuqqas, il-kumpanija għandha tieħu azzjoni fi żmien stipulat.
Il-UĦM Voice of the Workers ukoll irnexxielha ġġib kisba oħra, dik li jinfetaħ il-capping ta’ dawk il-ħaddiema li laħqu l-limitu fl-iskala tas-salarju tagħhom.
Ramon Francalanza, Employment Relations Manager fi ħdan UĦM Voice of the Workers, fisser il-proċess ta’ negozjati bħala “esperjenza sabiħa ħafna” għax wassal għat-twaqqif ta’ kumitat. “Kumitat b’saħħtu u konsistenti hu l-għodda li biha jintlaħqu negozjati b’suċċess. – xi ħaġa li hi rakkomandabbli f’kull post tax-xogħol,” temm Ramon Francalanza.
Għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers iffirmaw Jesmond Bonello u Ramon Francalanza, Direttur u Employment Relations Manager rispettivament.
Min-naħa tal-kumpanija Consolidated Biscuit Co. Ltd, Joseph Pace, Direttur Maniġerjali, Silvio Desira, Financial Controller, u Mark Camilleri, Salesperson/Employment Relations Representative iffirmaw il-ftehim li jikkonċerna l-ħaddiema fis-Sales, fil-Merchandising u d-Delivery Persons. L-istess uffiċjali tal-kumpanija flimkien ma’ Vince Busuttil, Employment Relations Representative, iffirmaw il-ftehim li jolqot il-ħaddiema tax-Shop Floor.