“Jekk indawru wiċċna għall-allegati każi ta’ korruzzjoni f’pajjiżna, ma nkunux qed nagħtu servizz lill-ħaddiema u fl-istess nifs inkunu qed inwasslu messaġġ ħażin”. Kliem Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’diskors waqt konferenza fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem li saret f’Torre Paulina, il-Madliena l-Ġimgħa 28 ta’ April 2017.
Josef Vella fisser li l-UĦM Voice of the Workers tinsab imħassba dwar il-qagħda politika li qed tirrenja bħalissa f’pajjiżna. Din il-union ħasset li kellha tipparteċipa fl-aħħar protesta kontra l-korruzzjoni għax il-UĦM hi verament il-vuċi tal-ħaddiema.
B’referenza għall-iżvelar ta’ isem l-allegat sid tal-kumpanija Egrant, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers kien mistagħġeb bil-kummenti tal-Kummissarju tal-Pulizija għax flok investiga mar jiekol mal-ħbieb. “Esperjenzajna mument surreali.” Il-Kummissarju tal-Puliżija m’għandux jgħidilna li jaf jagħmel xogħolu imma minflok jattwah jew imqar jagħtina l-impressjoni li qed jaħdem.
Josef Vella qal li l-preżenza tal-UĦM fl-aħħar protesta nazzjonali ma kellha x’taqsam xejn mal-politika. “Min jakkuża lil din il-union li hi affiljata mal-Partit Nazzjonalista, għandu memorja qasira għax l-oppost kien intqal qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali meta l-għajdut kien li l-UĦM kienet qed tappoġġja lill-Partit Laburista,” fisser Josef Vella. Il-UĦM ma hi affiljata ma ebda partit politiku u tikkritika lil kull gvern fejn hu l-bżonn. Ħadd ma jgħid lil din il-union x’għandha tagħmel. Il-UĦM hi lesta li taħdem ma’ kulħadd imma ma hi l-pupazz ta’ ħadd.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li meta tara ‘sħaba sewda’ fuq il-pajjiż il-union ma tistax tibqa’ siekta, ma tagħlaqx ħalqha. Din il-union qed tħabbat wiċċha ma mistoqsijiet fuq is-sitwazzjoni preżenti kull darba li tkun f’kuntatt ma’ uffiċjali ta’ unions barranin. Is-sitwazzjoni preżenti tista’ tikkawża ħafna periklu fuq l-impjiegi. Il-UĦM tosserva li bħalissa qed nilgħabu bil-kisbiet li ġew frott il-ħidma ta’ gvernijiet preċedenti.
Fid-diskors tiegħu, Josef Vella faħħar l-assertivita’ tal-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir li qabżu għal drittijiethom filwaqt li żied li l-UĦM ma taċċetta lil ħadd li jkasbar lill-ħaddiema.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers semma l-kors akkreditat fit-trejdunjoniżmu li se jkun qed isir permezz ta’ FSS Ltd, il-fergħa edukattiva tal-UĦM Voice of the Workers. Hu qal li ma nistgħux inkunu professjonali bil-kliem biss imma bl-attitudni u bis-servizz ta’ kwalita’ li jingħata lill-membri. Il-kors akkreditat fit-trejdunjoniżmu se jservi ħalli jinstabu persuni li jkunu lesti ħalli jservu lill-oħrajn.
Dwar il-FSS Ltd, Josef Vella qal li l-mira hi li sas-sena d-dieħla din il-kumpanija sussidjarja tagħha issir istitut sabiex tħarreġ u tgħin lill-ħaddiema żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-UĦM, permezz ta’, FSS Ltd. ħadet sehem fi skemi tax-xogħol bħal il-Work Programme u fil-Garanzija taż-Żgħażagħ imma ma pparteċipatx fi skemi tal-komunita’ li joħolqu l-prekarjat.
Josef Vella reġa’ saħaq dwar il-bżonn li jkunu introdotti l-pensjonijiet tat-Tieni Pilastru u dan minkejja li l-Gvern preżenti kien insista li tali pensjonijiet jistgħu jheddu l-kompetittivita’ tal-pajjiż. “Jeħtieġ li fil-wirt nazzjonali nħallu l-Pensjoni tat-Tieni Pilastru”, sostna Josef Vella filwaqt li esprima l-kritika tiegħu li l-unions l-oħrajn mhumiex qed jappoġġjaw dawn il-pensjonijiet. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li għalkemm il-Gvern ma laqax il-proposta tagħha dwar il-pensjonijiet tat-tieni pilastru, il-union qed tħejji studju bl-għajnuna ta’ Dr. Philip von Brockdorff, il-konsulent tagħha dwar l-ekonomija u rappreżentant tal-union fil-EESC, kif ukoll ta’ Prof. Iain Clacher mill-Universita’ ta’ Leeds.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers tkellem dwar il-qagħda fil-Wasteserv u stqarr li l-union ma tixgħelx il-makna meta partit partikulari jkun fil-gvern. “Din il-union ħadmet taħt kull leġislatura b’risq il-ħaddiema tal-Wasterserv u l-makni tagħna huma dejjem startjati”, sostna Josef Vella,
Dwar il-każi li din il-union ikollha fil-Qorti, Josef Vella rringrazzja lill-Avukat Ian Spiteri Bailey, l-għajnuna legali tal-union, li ħadem kontinwament u għadu jassisti lill-UĦM b’serjeta’ liema bħala. Rigward it-Tribunal Industrijali, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li wasal iż-żmien li l-Gvern jieħdu bis-serjeta’ u jaħtar chairpersons kompetenti mhux persuni li mhumiex aġġornati fil-liġi.
Josef Vella kompla li l-union irnexxielha ssemma leħinha fuq l-aġġustament fil-paga minima. Hu saħaq li kienu biss il-UĦM Voice of the Workers u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) li ppreżentaw proposti fuq din il-kwistjoni. Kienet ukoll fuq inistenza tal-UĦM Voice of the Workers li l-ftehim, li proprju kien iffirmat fl-istess jum li fih ittellgħet il-konferenza ta’ din il-union għal Jum il-Ħaddiem, ukoll se jkun qed iwaqqaf kummissjoni sabiex tirrevedi l-paga minima kull erba’ snin.
Josef Vella stqarr li l-ftehim dwar l-aġġustament fil-paga minima mhux is-soluzzjoni għall-prekarjat. Il-Kap Eżekuttiv fakkar fil-proposta li kien għamel fil-budget u li tikkonsisti f’portal li tkopri l-kuntratti tax-xogħol bl-iskop li ma jkunx hemm abbuż. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-proposti għall-budget ma jsirux għall-paroli imma biex dawn jissarrfu għall-ħaddiema u l-familji tagħhom. Josef Vella appella lill-Gvern sabiex isolvi l-problema tal-prekarjat mill-aktar fis.
Josef Vella wkoll għamel referenza għall-ftehim li l-Gvern għamel ma’ Vitals Group Healthcare. Il-UĦM tinsab kburija li ma ffirmat ebda ftehim li għandu numru ta’ paġni ċċensurati. “Il-Gvern ippretenda li niffirmaw ftehim li qatt ma rajnih u wara xhur nitolbu lill-Gvern biex jgħaddilna kopja tal-ftehim, insibu li dak li kien pubblikat kellu diversi partijiet minnu ċċensurati”.
Dwar l-Airmalta, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-ħaddiema huma ddisprati u sostna li jkun żball jekk il-linja nazzjonali tal-ajru tingħata lill-barranin. Hu saħaq biex il-Gvern jistinka biex l-Airmalta tibqa’ tagħna l-Maltin u allura għandu jiżdied il-kapital sabiex ikun hemm pjan ta’ azzjoni bis-serjeta’. “Sur Gvern, tilgħabx man-nar, tarmix lill-ħaddiema, oħloq strateġija,”saħaq Josef Vella.
Intant, aktar qabel fil-konferenza, saru diversi preżentazzjonijiet awdjoviżivi, fosthom, dwar ħidmet il-union matul is-sena li għaddiet kif ukoll dwar il-koperattivi u l-pensjonijiet – żewġ pilastri prinċipali tal-UĦM Voice of the Workers.
Fi tmiem l-avveniment, saret l-inawgurazzjoni ta’ vann mill-aktar modern sabiex jintuża bħala uffiċċju mobbli. Dan bl-iskop li l-UĦM Voice of the Workers tilħaq il-membri tagħha fid-diversi postijiet tax-xogħol f’Malta u f’Għawdex.