Il-UĦM Voice of the Workers tirreaġixxi għad-diskors tal-budget u tistqarr li rat nuqqas ta’ direzzjoni f’numru ta’ oqsma, bħall-importazzjoni tal-ħaddiema meta din il-union ippreżentat proposta biex telimina l-abbuż. Il-union kienet ipproponiet li l-kuntratti tax-xogħol jiġu reġistrati online.
Dwar il-koperattivi tal-ħaddiema, il-Gvern ma semma xejn speċjalment meta l-union ipprononiet koperattivi fil-qasam tas-saħħa sabiex tiżdied l-effiċjenza fis-servizz tas-saħħa. Dan fid-dawl li Malta tinsab fl-ewwel post fl-UE dwar l-out-of-pocket expenditure fis-servizz tas-saħħa u meta wieħed jikkunsidra li s-servizz tas-saħħa hu b’xejn.
Rigward il-btajjel pubbliċi, il-Gvern la laqa’ il-proposta tal-GWU u lanqas tal-UĦM Voice of the Workers. Il-Gvern ma tax lill-ħaddiem dak li ttieħed lilu fil-passat imma tahomlu mittiefsa.
Dwar is-social loans, din il-union hi favurihom imma l-Gvern ma tax dettalji u minflok qal biss li hemm 100 persuna li se jibbenefikaw mill-iskema tal-APS u 300 persuna li se jgawdu minn skema tal-BOV.
Rigward l-Equity Release, il-Gvern qed jammetti li l-pensjoni mhix adekwata u issa l-pensjonanti qed jitolbu biex ipoġġu d-dar tagħhom fis-suq ħalli ipaċu biċċa mal-pensjoni. Il-UĦM kienet ipproponiet il-Pensjoni tat-Tieni Pilastru ħalli tkun assigurata pensjoni aħjar għall-ġenerazzjoni li tiela’. Dwar l-għoti ta’ €2 lill-pensjonanti, il-UĦM Voice of the Workers issostni li biż-€2 mhux se nġibu l-adekwatezza li għandhom bżonn il-pensjonijiet.
F’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport pubbliku, ma ssemma xejn u din il-union kienet qed tippretendi xi inizjattivi konkreti. Il-UĦM Voice of the Workers kienet ipproponiet il-ħolqien ta’ park-and-ride hubs ma’ Malta kollha u tkun identifikata rotta għat-trasport pubbliku. L-istess union ukoll ipproponiet soluzzjoni oħra sabiex ikun hemm diskussjoni ma’ min iħaddem u jkunu applikati skemi li kienu jsiru fis-snin li għaddew. Postijiet tax-xogħol kienu jorganizzaw trasport effiċjenti. Hawnhekk il-UĦM tinsab diżappuntata, għalkemm issemmew l-iskejjel għax matul is-sena d-dieħla se jkun hemm trasport organizzat għalihom.
Il-UĦM Voice of the Workers ma taqbilx mal-Gvern meta fid-diskors tal-budget issemma li l-faqar naqas b’mod reali. Il-faqar ma naqasx anzi żdied filwaqt li l-inugwaljanza fost il-ħaddiema Maltin qed tikber mhux tonqos.
Dwar l-in-work benefit, il-UĦM tistqarr li din il-miżura toħroġ mill-politika tal-Jobs+ imnebbħa minnha stess u din il-union tieħu gost li din l-inizjattiva rnexxiet u fl-aħħar mill-aħħar qed niksbu l-frott minnha.
Barra minn hekk, il-UĦM Voice of the Workers tilqa’ l-miżuri dwar l-adozzjoni l-foster caring kif ukoll l-inċentivi fiskali għal taxis b’risq persuni b’diżabbilta’.
Kollox ma’ kollox, il-UĦM Voice of the Workers tikkontendi li f’ekonomija li sejra tajjeb, il-ħaddiem seta’ kellu sehem aktar ġust mid-distribuzzjoni tal-ġid li kien ippreżentat f’dan il-budget.