“Wasslu l-messaġġ liż-żgħażagħ fil-familji tagħkom sabiex jagħtu widen dwar il-pensjonijiet, partikularment il-Pensjoni tat-Tieni Pilastru”. Dan sostnih Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, waqt riċeviment organizzat mit-Taqsima Pensjonanti tal-UĦM Voice of the Workers, li sar f’Villa Arrigo, in-Naxxar il-Ħamis 14 ta’ Diċembru 2017.
Josef Vella stqarr li fid-dawl tal-qagħda tal-pensjonijiet f’pajjiżna bħalissa, iż-żgħażagħ mhux qed jirrealizzaw li wieħed irid iħabrek u jaħseb meta jasal għall-eta’ pensjonabbli. Għandna sitwazzjoni fejn iż-żgħażagħ, flok ifaddlu mill-paga tagħhom, qed jonfqu kulma jaqilgħu. Għaldaqstant, il-UĦM għandha bżonn l-appoġġ taż-żgħażagħ sabiex jagħtu kas għal dak li jkun qed jingħad dwar il-pensjonijiet.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers dar fuq l-anzjani preżenti, li lkoll kisbu l-esperjenza tax-xogħol u tal-ħajja, sabiex iħeġġu liż-żgħażagħ idakkru fihom infushom ‘kultura ta’ tfaddil’. Josef Vella reġa’ saħaq dwar il-ħtieġa li jkunu introdotti l-pensjonijiet tax-xogħol, jew aħjar il-Pensjoni tat-Tieni Pilastru. “Qed indur fuqkom biex twasslu dan il-messaġġ għax il-UĦM la għandha għajnuna mill-partiti politiċi, la mill-union l-oħra tal-ħaddiema u lanqas minn min iħaddem,”sostna Josef Vella.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fakkar fil-proġett ta’ tisbiħ fil-Head Office tal-union li se jibda f’nofs is-sena d-dieħla. Hu qal li dan il-proġett, b’investiment ta’ €300,000, se jkun qed isir sabiex il-bini minn fejn tiffunzjona l-union, jitgawdu għal 50 sena oħra u l-UĦM tibqa’ minn ta’ quddiem fil-qadi tas-servizzi tagħha lill-membri.
Fi tmiem il-kelmtejn tiegħu, Josef Vella irringrazzja u sellem lil Therese Galdes Debono li qed ittemm l-impenn tagħha fit-tmexxija tat-Taqsima u fl-organizzazzjoni annwali tal-festin għall-pensjonanti membri fil-UĦM Voice of the Workers. Awgura wkoll l-isbaħ xewqat għal Milied hieni u sena ġdida mimlija risq.