B’effett minn għada t-Tnejn 17 ta’ Settembru, il-UĦM Voice of the Workers qed tintroduċi direttivi lill-ħaddiema tal-kuntrattur abbord il-vapuri tal-Gozo Channel.
Dawn l-impjegati jaħdmu fil-gradi ta’ cabin attendants u baħrin. Magħhom u eżatt bħalhom, hemm ukoll impjegati tal-Gozo Channel li għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol ferm differenti.
Il-UĦM Voice of the Workers ħadet azzjoni biex tgħin lill-ħaddiema tal-kuntrattur li spiċċaw imorru kuljum għax-xogħol delużi u b’qalbhom maqtugħa li xi darba ssir ġustizzja magħhom.
Il-każ kellu jiġi eskalat sa quddiem id-Direttur tax-Xogħol permezz ta’ tilwima industrijali, b’laqgħa uffiċjali li saret nhar it-Tlieta 4 ta’ Settembru. Sfortunatament, minn dak inhar sal-lum ma nħarġet l-ebda risposta u konklużjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn l-impjegati.
Għalhekk il-UĦM ordnat direttivi sabiex il-cabin attendants ma jnaddfux il-kmamar tat-toilets abbord filwaqt li l-baħrin ma jorbtux il-vapuri mal-moll u ma jinżlux fil-garaxxijiet.
Din il-union se tibqa’ għaddejja bid-direttivi sakemm is-sitwazzjoni tissolva u l-membri jingħataw dak li ilhom jissieltu għalih – biex min jagħmel l-istess xogħol jingħata l-istess kundizzjonijiet.