fbpx

Il-UĦM Voice of the Workers titlef persuna rispettabbli

Tħabbret il-mewt ta’ Jimmy Briffa, eks Segretarju tat-Taqsima tas-Saħħa fi ħdan il-UĦM. Hu kellu 73 sena.

Jimmy Briffa kien bniedem rispettabbli, ġeneruż u dejjem kien jistinka biex jgħin lil ħaddieħor. Bħala professjoni hu kien  infermier u b’dedikazzjoni kbira kien jieħu ħsieb il-pazjenti fl-Isptar Monte Karmeli. Is-Sur Briffa kien wieħed mill-ewwel membri tal-UĦM, tant li ilu jimmilita fit-trejdunjoniżmu għal aktar minn 40 sena.

Qabel ma ssieħeb fil-UĦM, Jimmy Briffa kien membru fil-Malta Union of Nurses iżda meta din il-union issieħbet fil-UĦM is-Sur Briffa mill-ewwel immilita fil-UĦM.

Jimmy Briffa kien uffiċjal li kien jieħu l-każijiet individwali tal-ħaddiema b’serjeta’ u b’dedikazzjoni  kbira. Hu kien jippreferi jaħdem fuq il-każijiet billi jmur fil-postijiet tax-xogħol sabiex jiltaqa’ mal-ħaddiema. Is-Sur Briffa kien iżomm kuntatt kontinwu mal-membri tant li kien iħobb jorganizza l-laqgħat għalihom.

Uffiċjali ta’ UĦM Voice of the Workers fissru lil Jimmy Briffa bħala bniedem kalm li kien jisma’ ħafna. Kien jirrispetta lil kulħadd, anki lil dawk li ma kienx jaqbel magħhom. Ħafna ħaddiema li kienu jaħdmu l-Isptar Monte Karmeli daħlu membri fil-UĦM appuntu minħabba  fih għax kien tal-affari tiegħu. Jimmy Briffa kien bniedem strateġiku li dejjem kien ippreparat u jistinka għal kull ħaġa li kien jagħmel. Jimmy Briffa baqa’ attiv sal-aħħar – jagħti l-aħjar tiegħu għan-nies.

UĦM Voice of the Workers issellem il-ħidma u l-memorja ta’ Jimmy Briffa filwaqt li tibgħat il-kondoljanzi lill-familja tiegħu.

 

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment