“Il-pajjiż hu fl-obbligu u d-dover li jkollu ekonomija li tindirizza l-bżonnijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin”. Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’diskors waqt konferenza dwar Jum il-Ħaddiem li saret fl-Istitut Kattoliku, il-Ġimgħa 26 ta’ April 2019.
Josef Vella rrefera għas-surplus li għamel pajjiżna u qal li dak li hu tajjeb m’għandniex ngħidulu ħażin. Imma ħadd ma jista’ jippretendi li m’hemmx aktar x’nistgħu ngħidu bħall-isfidi għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Dwar il-kirjiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li din il-kwistjoni hi marbuta mal-preżenza qawwija ta’ ħaddiema barranin u ma’ kumpaniji barranin li jifilħu jħallsu. Hu fisser li l-kirja ta’ xi ħames snin ilu kienet madwar €400 ewro u issa, skont l-aħħar statistika, din saret €1,000. Dan jinkwieta lill-UĦM Voice of the Workers għax m’hawnx programm nazzjonali dwar il-housing u kif dan se jirrispondi għall-esiġenzi tal-familji Maltin. Hu tkellem dwar l-iskema tal-passaporti li permezz tagħha ġew iġġenerati €400 miljun u minn din iċ-ċifra ngħad li ntużaw €50 miljun għas-social housing. “Fejn marru dawn il-flus għax lanqas rajna binja waħda!”, sostna Josef Vella.
Dwar l-ambjent, Josef Vella rrefera għall-inċident tal-isfrundar ta’ appartamenti fi G’Mangia u stqarr li kien hemm min qal li l-affarijiet kienu in regola. “Hekk se nindirizzaw lil min ġarrab?….ejja nkunu empatiċi lejn xulxin.”, sostna Josef Vella. Hu qal li t-tweġiba ta’ Ministru kienet li l-familji milquta jmorru għand il-housing. “Dan hu l-mod leġġer kif nittrattaw dawn l-affarijiet?”, staqsa l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Hu rrimarka li l-Gvern għandu jagħti isem ġdid lill-Awtorita tal-Ippjanar u minflok isemmiha Permits Authority. Dan għax irriduċejna l-Awtorita’ tal-Ippjanar għal fabbrika tal-permessi. Fejn hi l-estetika arkitettonika?. Xi kultant ma nirrealizzawx xi rridu fl-ambjent tagħna. Josef Vella staqsa kif il-ġenerazzjoni ta’ warajna se tħares lejna. “Ta’ xhiex se nkunu msemmijin, tal-ġenerazzjoni tas-sulari jew tal-konkrit?” Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-ekonomija qiegħda hemm biex taqdi lis-soċjeta’ imma sfortunatament m’hemm ebda lok ta’ viżjoni.
Josef Vella qal li t-tisħiħ fl-ekonomija ma nagħmluhx a skapitu tal-binjiet. Hu rrefera għas-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol u saħaq li l-ħaddiem, f’ċertu postijiet tax-xogħol, mhux ikkalkulat. Imbagħad meta jinqala’ inċident, ħadd ma jaqbeż għal min spiċċa vittma u biex jagħmel tajjeb għat-take-home-pay tiegħu irid jaħdem il-part-time u jagħmel ħafna sahra!
Dwar il-pensjonijiet, Josef Vella reġa’ saħaq dwar is-sostenibbilta’ u l-adekwatezza tagħhom. Ħafna anzjani mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Sfortunatament, il-politiċi ma jridux jindirizzaw il-pensjonijiet bis-serjeta’. “Qed inġibu l-pensjonijiet bħala karita’”, sostna Josef Vella. Hu qal li r-realita’ hi li ħafna anzjani baqgħu jaħdmu għax ma jistgħux ilaħħqu mal-pensjoni tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers tkellem dwar il-pensjoni taż-żgħażagħ iżda ebda partit politiku ma jrid jindirizzaha. “Għaldaqstant irid ikun hemm pjan nazzjonali dwar il-pensjonijiet”, tenna Josef Vella.
Rigward il-prekarjat, dan għadu magħna u llum jinsab fl-agħar sitwazzjoni tiegħu. Semma l-episodju ta’ ċittadini Indjani li qed jitħallsu ewro fis-siegħa, liema ħlas jintbagħat lil pajjiżhom permezz ta’ aġenzija.
Hija ironija li l-UĦM Voice of the Workers kienet ħarġet bil-proposta tal-portall biex is-suq tax-xogħol ikun regolat u l-Gvern ma mbuttax din l-inizjattiva.
Dwar il-kwistjoni li l-ħaddiema kollha għandhom ikunu f’union, il-UĦM Voice of the Workers ma taqbilx mal-proposta. Josef Vella qal li dawk il-ħaddiema li għandhom dħul baxx ħafna għandhom jidħlu f’union tal-għażla tagħhom ħalli jingħataw protezzjoni. “Nistgħu nilleġislaw sabiex nipproteġu l-interessi ta’ dawn il-ħaddiema”, saħaq Josef Vella. Il-Kap Eżekuttiv tkellem ukoll dwar il-free riders, jew aħjar dawk il-ħaddiema li mhumiex f’union imma jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet ta’ sħabhom li qegħdin f’union. Hu saħaq li l-ħaddiem iż-żgħir għandu bżonn il-protezzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers reġa’ irrefera għas-surplus ieħor li għamel il-pajjiż. “Imma hawn familji li qed jagħmlu defiċit…jekk qed nagħmlu s-surplus dan qed imur għand l-investitur u l-ħaddiem x’se jieħu? Josef Vella saħaq li huwa importanti li ma niqfux fuq is-surplus imma dwar x’qed jasal għand il-familji Maltin.
“Ejja naraw li qed ninvestu fi pjan għalina u għall-familji tagħna…ejja ma jkollniex early school leavers imma li x-xogħol jingħata lil uliedna”, kompla Josef Vella.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers esprima solidarjeta’ mal-koperattiva tal-Foremen tax-Xatt li ilhom jitħabtu ħafna u jħabbtu l-bibien sabiex jieħdu dak li ħaqqhom. Josef Vella saħaq li l-UĦM Voice of the Workers se tkompli tkun solidali mal-kawża tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers enfasizza dwar il-bżonn li naħsbu fil-kwalita’ tal-ħajja. “X’inhuma l-family-friendly measures meta t-trobbija tal-ulied qed tispiċċa tkun imwellija liċ-child care centres? Se nispiċċaw li nħallu lil uliedna f’dawn iċ-ċentri għal xi 12-il siegħa?”
Barra minn hekk, il-koppja li taħdem saret aktar tikkomunika bil-mobile milli titkellem wiċċ’imb wiċċ.
Josef Vella qal li l-akbar sfida tas-soċjeta’ Maltija hi l-kwalita’ tal-ħajja u kemm jirnexxielna ndaħħlu ħajja tul iż-żmien ta’ ħajjitna. Nitkellmu dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u li qed jiġri hu li l-bnedmin saru robots u mhux ir-robots ħadu post il-bnedmin.
Intant Jesmond Bonello, id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, introduċa l-konferenza u qal li min irid juri solidarjeta’ mal-ħaddiema ma għandux jillimita din is-solidarjeta’ għal ġurnata waħda biss fis-sena. Anzi jimplimenta din is-solidarjeta’ fil-prattika mal-ħaddiema kuljum.
Id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li minflok li l-Gvern qed jikkumbatti l-prekarjat, infetħu l-bibien beraħ u bla kontroll għal ħaddiema li ġejjin minn barra l-l-Unjoni Ewropea. Issa dawn il-ħaddiema barranin qed ikollhom joqogħdu għal kollox b’detriment għall-ħaddiem Malti li qed jaffaċċja kundizzjonijiet imnaqqsa.
Jesmond Bonello fisser li l-ħaddiem illum qed jaffaċċja diversi sfidi, fosthom, biex isib impjieg diċenti li jippermetti għajxien diċenti. Hu żied li l-ħaddiem ħaqqu jiġi trattat b’dinjita’, li jfisser li 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa għandhom ikunu biżżejjed biex jgħix ħajja diċenti u la darba jirtira jkompli jgħix f’qagħda finanzjarja li tkun stabbli. “Possibbli din hija talba esaġerata meta qed jingħad li pajjiżna għaddej mill-aqwa żmien?”, temm id-Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers.
Il-programm issokta permezz ta’ dibattitu li fih ħadu sehem kandidati, mill-Partit Nazzjonalista u mill-Partit Laburista, għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Fid-dibattitu li tmexxa minn Keith Micallef, ġurnalist ta’ Times of Malta, il-kandidat Nazzjonalista Frank Psaila qal l-ġid mhux qed jasal fil-livelli kollha. Il-kandidat Laburista Cyrus Engerer saħaq li rridu naraw xogħlijiet aħjar. Il-kandidat Laburista Josianne Cutajar qalet li f’Għawdex mhemmx biżżejjed xogħol imma grazzi għall-Gvern Laburista qed isir dak kollu possibbli biex l-Għawdxin jiksbu x-xogħol. Il-kandidat Nazzjonalista Peter Agius qal li s-sitt MEPs li se jiġu eletti iridu jimbuttaw il-kawża tal-Maltin u fuq quddiem ta’ din il-kawża hemm il-kundizzjonijet tal-ħaddiema. Hu qal li hemm żewġ għażliet quddiemna: inrażżnu l-provvista ta’ ħaddiema minn barra u li jkun hawn xogħol ta’ kwalita’. Il-kandidat Nazzjonalista Dione Borg qal li l-Gvern qed jibbaża l-ekonomija tiegħu fuq il-kwantita’ flok il-kwalita’. Il-kandidat Laburista Robert Micallef qal li sabiex l-ekonomija tkompli tikber irridu noperaw f’soċjeta’ miftuħa. Hu stqarr li l-ekonomija trid tikber pari passu mal-ħarsien soċjali.
Mistoqsija x’se jkunu l-prijoritajiet tagħhom ladarba jkunu eletti fil-Parlament Ewropew, il-kandidat Nazzjonalista Frank Psaila qal li se jkun qed jinsisti fuq il-prinċipju tal-equal pay for equal work kif ukoll jaħdem iżjed fuq il-pensjonijiet li ma jkunux inqas mill-paga minima. Il-kandidat Laburista Cyrus Engerer se jkun qed jisħaq fuq in-nisa fil-post tax-xogħol kif ukoll se jiffoka fuq id-drittijiet tal-ħaddiema permezz tal-pilastru tad-drittijiet soċjali. Hu qal li jrid ikun hemm Ewro Parlamentari li jaħdem biex iġib fondi Ewropej għaċ-ċokon ta’ pajjiżna. Il-kandidata Laburista Joisianne Cutajar trid li ż-żgħażagħ ikunu iżjed inċentivati u biex ikun hemm aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Il-kandidat Nazzjonalista Peter Agius, jekk ikun elett, jixtieq jagħmel analiżi klinika ta’ dawk is-setturi li huma vulnerabbli fuq il-ħaddiem Malti, li jkun hemm integrazzjoni bejn l-edukazzjoni u l-industrija kif ukoll li tiddaħħal il-parental leave. Il-kandidat Nazzjonalista Dione Borg qal li rridu ekonomija li tkun sostenibbli, fejn il-faqar jiġi eradikat, tingħata għajnuna lil familji b’diffikultajiet biex jgħixu b’mod diċenti, li l-problema tal-housing tissolva u li jsir investiment dirett fil-komunitajiet Maltin li qed jerfgħu piżijiet tal-immigrazzjoni. Il-kandidat Laburista Robert Micallef qal li jekk ikun elett se jaħdem biex ikun hemm aktar drittijiet soċjali.
Il-konferenza kompliet b’tagħrif awdjoviżiv dwar il-FSS Summer Club fejn il-kumpanija FSS Ltd. se tkun qed toffri lezzjonijiet f’numru ta’ suġġetti matul dan is-sajf.
Tony Sammut, mill-Assoċjazzjoni tal-Ispetturi tas-Saħħa Ambjentali, tkellem dwar it-twaqqif u r-rwol ta’ din l-assoċjazzjoni l-ġdida.
Il-konferenza kompliet b’tagħrif dwar ix-xogħol tal-union fejn ġiet ippreżentata statistika dwar in-numru ta’ ftehim kollettivi, ftehim individwali u każijiet li din il-union kellha fil-Qorti matul din l-aħħar sena.
Dr. Philip von Brockdorff, rappreżentant tal-UĦM Voice of the Workers fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (EESC), ta preżentazzjoni dwar l-isfidi fis-suq tax-xogħol Malti. Hu qal li dan is- suq tax-xogħol huwa regolat imma rridu nirregolawh aktar. Hu qal li l-pressjoni mis-settur privat fuq il-Gvern biex itaffri r-restrizzjonijiet fuq ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi li jiġu jgħixu f’Malta, speċjalment fis-setturi tal-kostruzzjoni u tat-turiżmu, mhix bi ħsiebha tbatti speċjalment biż-żieda ta’ permessi li qed jingħataw u n-numru rekord ta’ turisti li jżuru Malta. Dr. von Brockdorff fisser kif in-numru ta’ barranin f’pajjiżna laħaq il-100,000. Ċifri riċenti juru li l-popolazzjoni ta’ Malta hija ta’ 475,701, li tfisser li l-barranin jagħmlu tal-inqas 21 fil-mija ta’ dak in-numru. Dr. von Brockdorff stqarr li d-differenza bejn il-ħaddiema Maltin u barranin hi li filwaqt li l-barranin huma impjegati mal-privat, ħafna Maltin ifittxu mpjieg mal-istat. Dr. von Brockdorff qal li filwaqt li t-trade unions iridu jaddattaw fl-evolviment tas-suq tax-xogħol, ma nistgħux ninsew il-prinċipji fundamentali, dawk li nippromwovu u nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema.
Il-konferenza ssoktat b’dibattitu ieħor, din id-darba dwar ir-Riforma tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. F’dan id-dibattitu, li wkoll tmexxa mill-ġurnalist ta’ Times of Malta Keith Micallef, ħadu sehem Dr. Tonio Borg, eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru kif ukoll Dr. Austin Bencini, lecturer fil-Fakulta’ tal-Liġi. Tonio Borg qal bħalma l-UĦM għandha l-istatut, l-istatut tal-istat huwa l-Kostituzzjoni. Hu stqarr li llum jekk xi ħadd jiġi diskriminat għax obda direttiva ta’ trade union allura jkun qed jinkiser id-dritt tiegħu li jkun f’union. Dr.Bencini qal li l-Kostituzzjoni mhix mgħallma fl-iskejjel u saħaq li hija biss il-Kostituzzjoni li tista’ tħares il-valuri komuni tagħna. Staqsa jekk nafux li l-Kostituzzjoni titkellem fuq ix-xogħol. Hu qal li hemm kapitlu, fil-Kostituzzjoni, dwar id-dikjarazzjonijiet u l-prinċipji bħad-dritt għax-xogħol, il-protezzjoni tax-xogħol, is-sigħat tax-xogħol, id-drittijiet ugwali u l-assistenza soċjali. Dr. Bencini saħaq li l-Kostituzzjoni mhix biss liġi għax l-isfida fit-trejdunjoniżmu hi fil-mentalitajiet ta’ min jiggverna. Hu enfasizza li f’malta l-istat huwa ikbar mill-Gvern. Staqsa lill-Gvern, għaliex inħoloq l-Ombudsman biex illum qed jiġi injorat? Dr. Bencini saħaq li jekk l-istat se jibqa’ biss il-Gvern u jekk il-Gvern se jibqa’ l-qrati, mela l-Kostituzzjoni tagħna se tinkiser. Hu żied li l-Kostituzzjoni hi ħaġa tajba imma, bħal kull ħaġa oħra, trid tiġi serviced. Dr. Borg qal li l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali jinħatru biż-żewġ terzi fil-Kamra tar-Rappreżentanti. “Għaliex il-President ta’ Malta m’għandux jinħatar bl-istess mod?”, staqsa Dr. Tonio Borg. Hu qal li hemm bżonn ta’ kampanja nazzjonali sabiex il-Kostituzzjoni tiġi mgħallma u kulħadd jaf x’inhi. “Għandna bżonn żabra tajba fit-tħaddim tal-Kostituzzjoni”, temm jgħid Dr. Borg.
Fi tmiem id-dibattitu xxandru messaġġi dwar Jum il-Ħaddiem mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Wara d-diskors ta’ Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, il-konferenza ġiet fi tmiemha bil-kant tal-Innu Malti.