Laqgħa li llum kellha tikkomunika r-riżultat fuq it-talba tal-UĦM Voice of the Workers għar-rikonoxximent tas-settur tal-Allied Health Professionals (AHP), spiċċat biex ma ġie kkomunikat xejn.
Dan wara li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) ma kellux direzzjoni jekk is-settur tal-AHP għandux jibqa’ jiġi kunsidrat bħala settur wieħed jew le.
Ħareġ biċ-ċar li d-DIER tilef l-awtonomija tiegħu u għalkemm lesta l-eżerċizzju tar-rikonoxximent, ma setax jikkomunika r-riżultat wara li ġie miżmum minn Kastilja.
Dan meta l-Allied Health Professionals sal-lum igawdu minn ftehim settorali wieħed u meta fis-6 ta’ Ottubru 2016 ġie kkomunikat lil din il-union minn Kastilja li “ir-rikonoxximent ta’ unjin li tirrapreżenta lill-Fiżjoterapisti mhux se jfisser xi ftehim settorali ieħor distint minn dak eżistenti”.
Il-ftehim settorali jkopri ftit aktar minn 1,000 persuna li minnhom il-maġġoranza assoluta huma membri tal-UĦM Voice of the Workers.
F’demokrazija m’għandux isir tbagħbis mal-proċess tar-rikonoxximent għax tintilef il-fiduċja fid-DIER b’indħil żejjed.
Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers se tkun qed tlaqqa’ lill-kumitat tal-ħaddiema tagħha fil-jiem li ġejjin sabiex tiddeċiedi fuq numru ta’ azzjonijiet industrijali.
Gvern demokratiku għandu jirrispetta x-xewqa tal-maġġoranza li ssieħbu f’union tal-għażla tagħhom u jara li dawn il-professjonisti, bla dewmien, ikollhom titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom kif jixirqilhom.