L-artisti u l-qagħda prekarja tagħhom kienet it-tema ta’ diskussjoni li kienet organizzata fl-Università ta’ Malta nhar it-Tnejn 21 ta’ Ottubru 2019.
Fil-bidu ta’ din l-attività kien varat il-ktieb Widening Horizons tal-awtriċi Fillandiża, Vivan Storlund. F’kelmtejn dwar il-pubblikazzjoni tagħha, l-awtriċi saħqet li l-artisti mhumiex rikonoxxuti għall-ħidma li jwettqu fis-soċjetà. Hi qalet li għandu jkun assigurat dħul bażiku bħala mezz biex kulħadd jgħix ta’ ċittadin attivi. U l-artisti m’għandhomx ikunu eċċezzjoni.
Sussegwentament ingħata bidu għal diskussjoni bis-sehem ta’ numru ta’ kelliema, fosthom, Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers. Hu semma, fost oħrajn, kif din il-union ilha s-snin tisħaq sabiex il-Gvern jieħu l-passi meħtieġa ħalli x-xogħol prekarju jkun eliminat. Dan billi kundizzjonijiet diċenti tax-xogħol ikunu assigurati għal kull ħaddiem. Mod partikulari kif dan jista’ jseħħ huwa billi min iħaddem jagħmel użu minn templates fuq il-portal tal-Jobsplus sabiex minnu jkunu jistgħu jitniżżlu l-kuntratti tax-xogħol. Malli jkun iffirmat, kull kuntratt ikun reġistrat fuq il-portal tal-Jobsplus u min iħaddem ma jkunx jista’ jagħmel użu minn kuntratti li ma jilħqux il-kundizzjonijiet minimi tax-xogħol.
Josef Vella qal li fejn hemm id-djalogu soċjali, m’hemmx prekarjat. Madankollu hawn min iħaddem u ħaddiema li mhumiex parti mid-djalogu soċjali tant li qed japplikaw il-prekarjat u qed iġarrbu l-prekarjat rispettivament.
Hu qal li wasal iż-żmien li l-artisti jingħaqdu f’union tal-għażla tagħhom sabiex drittijiethom u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom ikunu salvagwardjati. Fakkar li tal-inqas seba’ persuni jistgħu jwaqqfu union u fil-każ ta’ Malta din m’għandhiex tkun problema. Kulma hemm bżonn hu inizjattiva u kuraġġ mill-artisti infushom sabiex jorganizzaw lilhom infushom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ippropona biex l-artisti jingħaqdu u jifformaw koperattiva soċjali bħala soluzzjoni għall-problema ta’ xogħol prekarju.
Kelliema oħrajn li pparteċipaw fid-diskussjoni kienu Kevin Camilleri mill-General Workers’ Union (GWU), Florinda Camilleri, Spiżjara u artista taż-żfin, Krista Bonello Rutter Giappone, Senior Lecturer fid-Dipartiment tal-Ingliż fi ħdan il-Fakultà tal-Arti u George Gremona, Direttur fil-Ministeru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali.
L-avveniment kien koordinat minn Dr. David Zammit, mid-Dipartiment tal-Liġi Ċivili fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, u minn Dr. Anna Borg, miċ-Ċentru dwar l-Istudji tax-Xogħol.