fbpx

Rabja għan-nuqqas ta’ infurzar fl-industrija tal-kostruzzjoni

Il-UĦM Voice of the Workers tingħaqad ma’ dawk kollha li wrew sogħba kbira għall-mewt ta’ Miriam Pace wara li ntradmet bil-kollass tad-dar tagħha f’Santa Venera. Id-dar tal-familja Pace kienet preċiż ħdejn sit kbir ta’ kostruzzjoni.

Din il-union ukoll tesprimi rabja għan-nuqqas ta’ infurzar fl-industrija tal-kostruzzjoni. Il-UĦM Voice of the Workers mhux l-ewwel darba li qed titkellem dwar din il-kwistjoni. Fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem waqt  konferenza li saret fl-2019, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers Josef Vella tkellem dwar inċident partikulari fejn diversi familji kellhom joħorġu minn darhom wara li ħitan tal appartamenti tagħhom sfrondaw f’sit ta’ kostruzzjoni f’G’Mangia.

Il-portal Voice of the Workers, f’artiklu li ppubblika fis-17 ta’ Diċembru 2019, tkellem fost oħrajn dwar l-iżvilupp bla  kontroll li qed iseħħ madwarna. Qed jinbnew strutturi u appartamenti bl-addoċċ tant li l-biċċa l-kbira tagħhom inbnew f’zoni li suppost kellhom jitħallew fl-istat naturali tagħhom. Barra minn hekk qed jaqgħu diversi residenzi u, sakemm jitilgħu binjiet ġodda, qed jitħallew ħofor kbar b’riżultat li f’xi wħud minnhom mhux qed ikunu osservati r-regolamenti fejn  jidħlu djar li  jmissu magħhom.

Voice of the Workers kien qal li “kien xi żmien fejn  konna nogħxew bis-sbuħija naturali ta’ pajjiżna u bis-serenità li  konna ngħixu fiha. Issa kull darba li nirfsu mill-għatba  ‘l  barra, nesperjenzaw l-arroganza fl-għamla ta’ bini llegali jew imġieba mhux professjonali. M’hawn ebda kultura li nagħmlu l-affarijiet bil-galbu u b’mod tajjeb. Kollox ejja ħa mmorru”.

Il-portal, fl-artiklu tas-17 ta’ Diċembru 2019, kien saħaq li Malta qed tesperjenza “sfreġju assolut fl-ambjent,  inħakmet minn  nies li stagħnew f’daqqa u ngħataw ħafna poter, filwaqt li l-pajjiż tilef il-boxxla morali”.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment