fbpx

Stqarrija mit-Taqsima Pensjonanti tal-UĦM

Fil-laqgħa tal-Eżekuttiv tat-Taqsima tal-Pensjonanti fi ħdan il-UĦM, li saret nhar l-20 ta’ Ottubru, il-membri ta’ din it-taqsima wrew id-diżappunt tagħhom li mill-erba’ proposti li din it-taqsima resqet għall-Budget 2016, ma ntlaqgħet l-ebda waħda mill-Gvern.

It-Taqsima Pensjonanti fi ħdan il-UĦM kienet ipproponiet li l-Gvern japprova s-somma ta’ 1000 ewro minflok 200 ewro bhala tnaqqis għal dawk li għandhom il-pensjoni tas-Sigurta’ Soċjali mnaqqsa minħabba li għandhom pensjoni tas-Servizz/Teżor. Dan diġa’ jidher fir-reazzjoni li l-UĦM għamlet fil-Pensions Strategy Report.

It-Taqsima kienet enfasizzat, għal aktar minn darba, u għamlet pressjoni fuq il-Gvern sabiex jintroduċi din il-miżura. L-istess Taqsima kienet ipproponiet li s-ceiling tat-taxxa kemm ta’ persuna waħidha u anke ta` koppja jkun mhux inqas mid-dħul tal-Paga Minima Nazzjonali.

It-Taqsima kienet saħqet biex tinżamm il-wegħda li l-Pensjoni Minima Nazzjonali ma tkunx inqas minn 60 fil-mija tad-dħul medju Nazzjonali fi żmien ħames snin mill- 2016.

Proposta oħra li saret mit-Taqsima Pensjonanti kkonsistiet fiż-żieda ta’ għajnuniet li l-Gvern joffri biex jiġu faċilitati l-mezzi tal-għajxien tagħhom, bħall-installazzjoni ta’ lifts fejn hemm ħafna taraġ, stair lifts u aġġustament fil-kmamar tal-banju mfassla apposta għall-Anzjani. Dan sabiex, skont it-Taqsima, il-pensjonanti jkunu jistħu jibqgħu jgħixu fil-kumdita’ ta djarhom u ma jkunux ta’ piż fuq l-istat.

Kollox ma’ kollox, it-Taqsima Pensjonanti fi ħdan il-UĦM tħoss li l-pensjonanti qed ikunu mwarrba, għax għalkemm sena wara l-oħra dawn il-proposti tressqu ripetutament għall-approvazzjoni fil-Budget, qatt ħadd ma ta kas dawn it-talbiet.

Sadattant, fl-istess laqgħa tal-Eżekuttiv ta’ din it-Taqsima, ġie deċiż li għandha ssir laqgħa ma’ l-Onorevoli Michael Farrugia, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali, sabiex issir diskussjoni dwar jekk il-Gvern hux bi ħsiebu jimplimenta xi waħda mill-proposti ta’ din il-union u dwar kif il-miżuri, imħabbra fil-Budget, se jolqtu lill-pensjonanti.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment