fbpx

IFFIRMAT FTEHIM KOLLETTIV BEJN IL-FONDAZZJONI TAL-KONKATIDRAL TA’ SAN ĠWANN U L-UĦM VOICE OF THE WORKERS

Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-UĦM Voice of the Workers iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Fondazzjoni wara li dan ġie approvat mill-ħaddiema.

Il-ftehim, li jibda jgħodd minn Jannar 2020, ikopri erba’ snin u ġie ffirmat minn Mons. Prof. Emmanuel Agius, President tal-Fondazzjoni u mis-Sur Mario Sacco, u mis-Sur Ramon Francalanza, Assistent Direttur u Maniġer ta’ UĦM Voice of the Workers rispettivament.

Mons. Prof. Agius jemmen bis-sħiħ fid-dinjità umana tal-ħaddiema tal-Fondazzjoni u li d-drittijiet tagħhom għandhom jiġu rispettati u mħarsa. Wieħed minn dawn id-drittijet huwa d-dritt għal paga ġusta. B’dan il-ftehim kollettiv li jkopri erba’ snin se jassigura żidiet fil-paga, family friendly measures kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, flimkien ma’ opportunitajiet u strutturi ġodda. Il-Mons. Prof. Agius ikkummenta li dan l-ftehim kollettiv huwa tragward importanti fil-wiegħda li l-Fondazzjoni għandha u b’sinjal ta’ gratitudni għall-impjegati tagħhha, b’sens ta’ appartenenza fi grupp dinamiku li qed iħarsu ġawhra ta’ arti u arkittettura Barokka.

Is-Sur Mario Sacco, Assistent Direttur tal-UĦM Voice of the Workers qal li l-Fondazzjoni fehmet is-sagrifiċċji li l-ħaddiema għamlu u qed jagħmlu biex ix-xogħol tagħhom jibqa’ għaddej f’dan iż-żmien diffiċli. Is-Sur Sacco tenna li dan kien żmien diffiċli, iżda jinsab sodisfatt li l-Fondazzjoni u l-Union waslu għal dan il-ftehim.

Min-naħa tiegħu Ramon Francalanza, Maniġer fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers stqarr li minn dan il-ftehim kollettiv il-ġdid, il-ħaddiema se jgawdu minn diversi benefiċċji u se jkunu qed itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, mhux biss permezz ta’ żidiet fil-paga, imma wkoll għandhom l-opportunità li jtejbu l-karriera tagħhom.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Sinjura Cynthia de Giorgio, Kap Eżekuttiv/Kuratur u s-Sur Kevin Attard, Maniġer tar-Riżorzi Umani għan-nom tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Kien hemm ukoll s-Sinjura Marie Bartolo, is-Sur Mario Grech u Sur Joseph Pace rappreżentanti tal-ħaddiema.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment