fbpx

Il-ħatra tiegħek tibgħat messaġġ qawwi favur il-prinċipju tal-meritokrazija

Għażiża President Metsola,

Il-UHM Voice of the Workers tifraħlek għas-suċċess miksub bil-ħatra prestiġjuża ta’ President tal-Parlament Ewropew li hi l-ogħla kariga li qatt kellu xi ċittadin Malti fl-istituzzjonijiet Ewropej mis-sħubija ta’ Malta fl-2004.

Il-ħatra tiegħek tibgħat messaġġ qawwi favur il-prinċipju tal-meritokrazija. Is-suċċess miksub ġie wara ħidma politika sfiqa fuq medda ta’ 20 sena li matulhom tlajt l-iskaluni tal-karriera politika bil-mertu tiegħek biss u bis-saħħa tal-appoġġ demokratiku tal-elettorat.  Fl-istess ħin dejjem poġġejt l-interess nazzjonali qabel kollox, anki meta dan kien ifisser li tieħu pożizzjoni iebsa dwar kwistjonijiet delikati nazzjonali fosthom is-saltna tad-dritt, il-korruzzjoni u l-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia. Iż-żmien wera li dawk id-deċiżjonijiet ma kienux motivati minn xi ħsieb partiġjan iżda kellhom l-iskop aħħari li jwasslu messaġġ qawwi favur is-sewwa.

L-aħbar tal-ħatra tiegħek għandha tkun ta’ xprun biex tibda tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta wara diversi snin li matulhom pajjiżna issemma l-aktar għal raġunijiet xejn sbieħ. J’Alla l-għaqda li rrenjat f’dawn il-jiem qabel in-nomina tiegħek tissokta, għax b’hekk biss Malta tista’ tegħleb l-isfidi kbar li għandha quddiema fosthom dik li ma tibqax fuq il-lista l-griża. 

Bħala union li tirrapreżenta eluf ta’ ħaddiema u li sa mill-bidu nett emmnet fis-sħubija fl-UE, il-UHM Voice of the Workers tħares ’il quddiem biex fis-snin li ġejjin l-UE tkun strument li bih jingħelbu l-isfidi, titħares id-demokrazija u d-drittijiet tal-ħaddiema filwaqt li jitjieb il-livell tal-għajxien.

Inselli għalik u nawguralek,

Josef Vella

Kap Eżekuttiv

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment