fbpx

Ftehim kollettiv għal-Kurja tal-Arċisqof

Il-Kurja tal-Arċisqof u l-Union Ħaddiema Magħqudin innegozjaw u kkonkludew ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Kurja u t-Tribunal Ekkleżjastiku li jkopri s-snin 2023-2025. Dan il-ftehim ġie ffirmat nhar it-12 ta’ Jannar mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, is-Sur Michael Pace Ross u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, is-Sur Josef Vella. Dan il-ftehim jirrikonoxxi l-kompetenza, l-esperjenza u fuq kollox il-lealtà tal-impjegati eżistenti, filwaqt li għandu l-iskop li jattira talent ġdid. Waqt l-iffirmar, id-direttur tar-riżorsi umani, Dr Rebecca Gatt, qalet li dan il-ftehim mhux biss itejjeb il-pagi iżda wkoll iħeġġeġ u jippremja l-iżvilupp u t-taħriġ, filwaqt li jkompli jsaħħaħ miżuri favur il-familja b’iżjed flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol.

Is-Sur Pace Ross qal li wieħed irid jara dan il-ftehim kollettiv fid-dawl ta’ riforma li trid issir fil-Kurja Arċiveskovili fis-snin li ġejjin, biex tkun dejjem iżjed ta’ servizz lejn il-batut, l-emarġinat u min hu l-aktar fil-bżonn, fi spirtu ta’ sinodalità tant mixtieqa mill-Papa Franġisku. “Irridu nagħrfu naqraw sewwa s-sinjali taż-żminijiet u jkollna l-kuraġġ inbiddlu l-mentalità u nkomplu naħdmu flimkien biex nibqgħu rilevanti fis-soċjetà tal-lum u ta’ għada, b’ħidmitna ffukata dejjem fuq il-bżonnijiet tal-persuna,” qal is-Sur Pace Ross.

Is-Sur Vella laqa’ dan il-ftehim b’sodisfazzjon u fisser kif il-Kurja ħadet il-pass li ġġedded il-ftehim kollettiv sena qabel iż-żmien fl-isfond taċ-ċirkostanzi straordinarji ta’ għoli tal-ħajja bla preċedent. B’hekk 120 ħaddiem bdew igawdu minn kundizzjonijiet aħjar minn sena qabel bl-iskop li jittaffa l-impatt ikkawżat mill-għoli fil-prezzijiet. L-assistant direttur tal-UĦM, Isabelle Farrugia, fissret kif bis-saħħa ta’ dan il-ftehim il-ħaddiema se jkunu iktar motivati filwaqt li permezz ta’ dan l-ftehim se jkun faċilitat ir-reklutaġġ minħabba li se jkun hemm kundizzjonijiet aktar attraenti u għalhekk iktar kompetittivi.

Preżenti għall-ftehim kien hemm ukoll ir-rappreżentanti tal-ħaddiema Benjamin Flores-Martin, Noel Abdilla u Lisa Pace.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment