Iffirmat l-aqwa Ftehim Kollettiv fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Il-bieraħ, l-UĦM Voice of the Workers iffirmat it-tieni Ftehim Kollettiv għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġeneralili se jkun effettiv mill‑1 ta’ Jannar 2025 sal‑31 ta’ Diċembru 2029.

Iċ-ċerimonja tal-iffirmar saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar, u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella.

Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti Johann Galea, l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, l-Head Corporate Services Adrian Tonna, id-Deputy Head tal-IRU Mario Grixti, flimkien mad-Deputat Kap Eżekuttiv tal-UĦM Isabelle Farrugia, l-Assistent Direttur Antoinette Aquilina, u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.

Dan il-Ftehim Kollettiv ikopri madwar 74 avukat u żewġ prokuraturi legali li għandhom rwol kruċjali fis-sistema ġudizzjarja u legali tal-pajjiż. Permezz tax-xogħol tagħhom, dawn il-professjonisti jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-istat tad-dritt, għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja u għall-protezzjoni tal-interess pubbliku.

Il-ftehim isaħħaħ kemm il-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll il-pakkett finanzjarju tal-impjegati koperti minnu. Fost il-miżuri miftiehma hemm titjib fil-family friendly measures, fil-struttura tal-gradi, fis-salarji, fl-allowances, kif ukoll f’diversi kundizzjonijiet oħra intiżi biex jissaħħu l-operat u l-effiċjenza tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella saħaq fuq l-importanza ta’ dan il-ftehim sabiex il-professjonisti legali jingħataw kundizzjonijiet moderni u sostenibbli li jirriflettu r-responsabbiltajiet tagħhom.

It-Taqsima Entitajiet Pubbliċi tal-UĦM esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li permezz ta’ dan it-tieni Ftehim Kollettiv komplew jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tagħha.

L-UĦM tixtieq tirringrazzja lis-Segretarju Permanenti Johann Galea, lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, lil Adrian Tonna, lill-uffiċjali tal-OPM u lir-rappreżentanti tal-impjegati għall-koperazzjoni u x-xogħol tagħhom matul in-negozjati li wasslu għal dan il-ftehim.