X’INBIDEL WARA L-ELEZZJONI?

Il-UĦM Voice of the Workers qed tinnota b’tħassib tibdil ċar fl-approċċ tal-Gvern lejn in-negozjar tal-Ftehimiet Kollettivi u Settorali.

Qabel l-Elezzjoni Ġenerali, il-Gvern kien qed jinnegozja u jikkonkludi diversi ftehimiet mal-Unions,  inkluż b’pakketti finanzjarji sostanzjali. F’ċerti każijiet, kien il-Gvern stess li kien jinsisti sabiex dawn il-ftehimiet jiġu konklużi. Issa, ftit xhur wara, l-argument jidher li nbidel. Illum qed jingħad lill-Unions li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż ma tippermettix pakketti favorevoli.

Il-UĦM tistaqsi: x’inbidel?

Tant huwa evidenti t-tibdil fl-approċċ li donnu qabel l-elezzjoni konna qed ninnegozjaw ma’ Gvern ta’ pajjiż differenti! Żgur li fi ftit xhur ma tfaċċax f’daqqa waħda sħab iswed fuq il-finanzi tal-pajjiż u ma nħolqux ħofor ġodda fit-triq tan-negozjar kollettiv. Dak li nbidel huwa li l-elezzjoni għaddiet u l-Gvern assigura mandat ieħor. Għall-UĦM dan mhuwiex aċċettabbli.

Il-Gvern ħoloq riga bil-ftehimiet li nnegozja u kkonkluda qabel l-elezzjoni. Dik ir-riga ma tistax titħassar wara l-elezzjoni, iżda għandha tibqa’ tiġi osservata fin-negozjati mal-entitajiet pubbliċi kollha. Ma jistax ikun hemm kejl għall-ħaddiema qabel elezzjoni
u kejl ieħor wara l-elezzjoni.

Din il-kwistjoni diġà ġiet diskussa fil-Bord tal-Governanza tal-UĦM, u l-Union qed tħares b’serjetà lejn dak li jidher li ġej fix-xhur li ġejjin fir-rigward tan-negozjati kollettivi u settorali. Is-sinjali qed juru li jista’ jkun ġej il-maltemp. Il-UĦM qed tipprepara għalih.

Il-UĦM se tibqa’ tinsisti fuq negozjar serju, ġust u konsistenti, u mhux se taċċetta li ħaddiema jiġu żvantaġġati sempliċement għaliex il-ftehim tagħhom qed jiġi nnegozjat wara l-Elezzjoni Ġenerali.