Il-benefiċċji tal-ħaddiema mhumiex xi switch li jintefa meta jkun jaqbel
Il-UĦM Voice of the Workers qed tesprimi tħassib serju dwar il-Health Carers li jaħdmu mal-Gvern kif ukoll dawk li jaħdmu mal-kuntrattur, minħabba d-deċiżjoni li titneħħielhom allowance li ilhom jirċievuha.
Dan għaliex il-Ministeru għas-Saħħa issa qed jargumenta li f’postijiet diversi, bħall-Outpatients fl-Isptar Mater Dei, il-Health Carers qed iwettqu xogħol klerikali aktar milli patient care skont il-Ftehim Settorjali u għaldaqstant m’għandhomx jibqgħu intitolati għal din l-allowance.
Il-UĦM ma tistax tifhem għaliex l-amministrazzjoni ċentrali qed tassenja dawn id-dmirijiet lill-Health Carers minflok lil ħaddiema klerikali, u mbagħad tuża dan l-argument biex tiġġustifika t-tneħħija tal-allowance. Dan meta dawn il-Health Carers ilhom snin iwettqu dawn id-dmirijiet bl-għarfien u l-approvazzjoni tal-amministrazzjoni. Il-UĦM tqis din id-deċiżjoni bħala waħda inġusta, speċjalment meta jidher li lanqas il-management ma għandu pożizzjoni ċara dwar id-dmirijiet tal-Health Carers u meta ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-Union qabel ittieħdet deċiżjoni li se tolqot direttament id-dħul tal-ħaddiema.
Sitwazzjoni simili qed taffettwa wkoll lis-Social Assistants, fejn ukoll qed jiġu kkontestati benefiċċji finanzjarji marbuta mad-dmirijiet tagħhom. Il-UĦM kienet qajmet din il-kwistjoni mill-bidu tas-sena, iżda ntalbet tistenna sa wara t-30 ta’ Mejju 2026. Għaldaqstant, għaliex deċiżjoni li twassal għal tnaqqis fid-dħul tal-ħaddiema kellha tistenna sa wara l-elezzjoni?
Kull deċiżjoni li tolqot il-kundizzjonijiet jew il-benefiċċji tal-ħaddiema għandha tkun konformi ma’ dak stipulat fil-ftehimiet kollettivi u settorjali, kif ukoll tkun soġġetta għal konsultazzjoni u negozjar mal-istess Union. Inkella, x’inhu l-għan tal-ftehimiet settorjali jekk, meta jkun jaqbel lill-amministrazzjoni, jiġu injorati jew interpretati b’mod li jmur kontra l-ispirtu tagħhom?
Il-UĦM Voice of the Workers mhix se taċċetta li ħaddiema li għal snin sħaħ wettqu d-dmirijiet assenjati lilhom mill-istess amministrazzjoni jispiċċaw iħallsu l-prezz ta’ interpretazzjoni jew deċiżjoni amministrattiva ġdida. Jekk l-amministrazzjoni trid tibdel ir-regoli tal-logħba, m’għandhomx iħallsu l-prezz għal deċiżjonijiet amministrattivi l-ħaddiema.