fbpx

Reazzjoni dwar il-Baġit 2015 mill-UĦM

Waqt li l-UĦM tinnota li l-previżżjonijiet ta’ tkabbir ekonomiku bir-rata ta’ 3.5% jidru posittivi, il-UĦM tisħaq dwar l-importanza illi l-miri ekonomiċi għandhom ikunu milħuqa u mhux jibqgħu BISS miri.

Huwa posittiv li l-livell tal-qgħad skond il-Labour Force Survey huwa fil-livell ta 5.8%. Importanti li l-gvern jgħaraf li l-ħaddiema mal-gvern għandhom jiġu ngaġġati skond l-esiġenza tas-servizz pubbliku u mhux skond esiġenzi partiġġjani.

Filwaqt li huwa tajjeb li t-taxxa fuq id-dħul kompliet tinżel kif imfassla mill-gvern preċedenti, il-UĦM wisq tibża li t-taxxi indiretti jolqtu b’mod dirett li dawk il-ħaddiema bi dħul l-aktar baxx.

Il-UĦM tilqa b’sodisfazzjon li l-proposti li kienu saru fil-politika tal JOBS+ komplew jidħlu fis-seħħ u b’riżultat ta’ dan se nkunu qegħdin ninċentivaw lill-persuni inattivi biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Il-UĦM tilqa wkoll inizjattivi favur il-leave tal-maternita’. Nieħdu gost wkoll ninnutaw numru ta’ inizjattivi favur iż-żgħażagħ. Il-UĦM tiġbed l-attenzjoni lil-gvern li aktar minn 50% ta’ mpjiegi ġodda qed jittieħdu mill-barranin. Dan juri dak li dejjem saħqet il-UĦM li għandna nsaħħu t-taħriġ vokazzjonali u l-apprentistat biex nindirizzaw dawk l-4 minn kull 10 żgħażagħ li mhux qed ikomplu fl-edukazzjoni tagħhom.

Filwaqt li l-UĦM mhix kontra il kunċett tal-PPP, tinnota li l-gvern beda l-proġett pilota tiegħu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla mingħajr ebda konsultazzjoni. Il-konsultazzjoni ssir QABEL u mhux WARA.

Fl-aħħarnett, il-UĦM tinnota illi giet imsemmija inizzjativa biex tindirizza l-prekarjat. Din il-unjin tfakkar li s-sena l-oħra l-istess gvern aċċetta l-proposta tagħha tal-Koperattivi Soċjali li kellha l-għan li tindirizza l-prekarjat wkoll. Iżda f’tul ta’ sena, il-gvern ma’ sab l-ebda ċans biex jikkonsulta u jimplimenta mal-UĦM. Il-UĦM tawgura li l-proposti ta’ kulħadd fejn jidħol il-prekarjat jaraw id-dawl tax-xemx.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment