fbpx

Aktar rispett lill-ħaddiema tal-Enemalta kif ukoll lill-ħaddiema u l-pazjenti fl-Isptar Mater Dei

F’laqgħa li saret bejn uffiċjali tal-UĦM ma’ Therese Comodini Cachia, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u Claudette Buttigieg, ix-Shadow Minister għas-Saħħa, ġiet enfasizzata l-importanza tar-rispett li għandu jingħata lill-ħaddiema tal-Enemalta kif ukoll lill-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei  u lill-pazjenti rikoverati fl-istess sptar.

Rappreżentanti minn taqsimiet fi ħdan il-UĦM, li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, esprimew tħassib dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom filwaqt li fissru l-atmosfera ta’ inċertezza li qed tirrenja, partikularment. f’diversi sezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei.

Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM qal li l-union trid tara li d-dinjità tal-ħaddiem ma titnaqqasx; anzi l-għajxien tal-ħaddiem u l-kontribut tiegħu fis-soċjetà għandhom ikunu salvagwardjati.

Claudette Buttigieg qalet li d-dinjità tal-pazjent trid tkun imħarsa fl-immaniġġjar tas-settur tas-saħħa. Hi sostniet li fil-qasam tas-saħħa bħalissa hemm kaos sħiħ u hemm diversi problemi serji li qed ipoġġu lill-pazjenti f’periklu. Għaldaqstant, saħqet ix-Shadow Minister għas-Saħħa, l-interess ġenwin għandu jkun fuq il-pazjent.

Claudette Buttigieg fakkret li dak li qed jiġri fl-Isptar Mater Dei hu serju u fl-istess ħin inkwetanti filwaqt li appellat biex l-ideat li jiġu diskussi jkunu aktar ibbażati f’viżjoni fit-tul u mhux għal perijodu qasir.

Therese Comodini Cachia tkellmet dwar il-ħaddiema tal-Enemalta u qalet li t-take home pay tagħhom tnaqqset ħafna, b’riżultat li l-ħaddiema qed jinkwetaw dwar kif se jkunu qed jintlaqtu finanzjarjament minn issa ‘l quddiem.  Hi appellat lill-UĦM biex tiddefendi lill-ħaddiema kollha, speċjalment dawk li huma mħarrġin, għax it-taħriġ li ħadu u l-esperjenza li għandhom mhux qed ikunu rispettati.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment