fbpx

Bil-miżuri li tħabbru mill-Gvern ma waqaf xejn mill-kaos li konna qegħdin fih

B’reazzjoni għall-miżuri ta’ għajnuna mħabbra mill-Gvern b’risq il-ħaddiema u n-negozji nhar il-Erbgħa 18 ta’ Marzu 2020, il-UĦM Voice of the Workers tisħaq li f’din il-kriżi nazzjonali ma nistgħux nibqgħu għaddejjin bis-sorpriżi. Din il-union, flimkien mal-imsieħba soċjali l-oħrajn, għandha tkun fuq il-mejda mal-Gvern u l-miżuri li għandhom jittieħdu jiġu mħabbra kollha flimkien.

Josef Vella, Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr li din id-drawwa li l-imsieħba soċjali jridu jisimgħu x’ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet u jsiru jafu bil-miżuri dak il-ħin, m’għandhiex tibqa’ issir.

“Dan huwa l-mument fejn id-djalogu soċjali jrid jitħaddem fil-prattika…huwa l-mument fejn kulħadd jinsab fl-istess sitwazzjoni”, sostna Josef Vella filwaqt li żied li “l-Gvern m’għandux jaġixxi għal rasu, min iħaddem għal rasu u l-ħaddiema għal rashom”. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li “lkoll flimkien irridu naraw liema huma l-aħjar miżuri fl-interess li nżommu l-familji tagħna u l-postijiet tax-xogħol bl-inqas impatt possibbli”.

Josef Vella żied li peress li din  hija sitwazzjoni fluwida, fejn l-affarijiet qed jinbidlu minn ġurnata għal oħra, l-imsieħba soċjali wkoll iridu jirrispondu. Irridu naraw li l-miżuri li nkunu qed nieħdu jirriflettu s-sitwazzjoni attwali f’dik il-ġurnata fil-pajjiż. “Bil-miżuri li ħa l-Gvern, u għaliex ma kien hemm l-ebda komunikazzjoni, għandna iżjed mistoqsijiet milli tweġibiet”, qal Josef Vella.

B’referenza għall-miżura li ħabbar il-Gvern fejn se jkun qed jagħti benefiċċju temporanju ġdid ta’ €800 fix-xahar lil dawk il-ħaddiema setgħu jew jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom b’effettt mid-9 ta’ Marzu, il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers qal li dan l-ammont huwa ftit iżjed mill-paga  minima. Waħda mill-ħafna mistoqsijiet li l-UĦM irċeviet mingħand min iħaddem hi jekk humiex se jagħmlu capping tas-salarji tal-ħaddiema tagħhom mal-paga minima. Josef Vella  qal li diġà għandna kriżi bil-Coronavirus u ma rridux li b’din il-kriżi noħolqu iżjed kriżijiet b’detriment għall-ħaddiem u l-familja tiegħu.

Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, il-miżuri mħabbra mill-Gvern huma pożittivi iżda mhumiex biżżejjed biex jissalvagwardjaw l-interess tal-union, jiġifieri li tissalvagwardja l-impjiegi u s-salarji tal-ħaddiema.

Din il-union tinsab imħassba għax aktar postijiet tax-xogħol se jkunu qed jieħdu miżuri drastiċi biex, jew jagħlqu l-operat tagħhom, jew inkella jibgħatu lill-ħaddiema lura d-dar bl-unpaid leave.

“Bil-miżuri li tħabbru mill-Gvern ma waqaf xejn mill-kaos li konna qegħdin fih”, sostna Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li l-MCESD mhux qiegħed hemm biex minnu issir laqgħa u l-affarijiet jieqfu hemm. “Dan huwa forum li minnu, suppost, għandu joħroġ il-pakkett  ta’ miżuri – miżuri li jkunu maqbulin minn kulħadd”, saħaq Josef Vella filwaqt li żied li “din  mhix ġlieda bejn ħaddiem u min iħaddem għax jekk jegħreq xi ħadd se jegħreq ukoll il-post tax-xogħol”.

Hu qal li “rridu naraw x’se nagħmlu biex ilkoll flimkien nibqgħu fuq l-istess dgħajsa u  għalhekk il-miżuri għandhom ikunu maqbulin mill-imsieħba soċjali  kollha”.

Il-UĦM Voice of the Workers ittenni li l-Gvern messu kkonsulta mal-imsieħba soċjali u mhux żamm kollox għalih b’riżultat li ssorprenda lil kulħadd. “L-imsieba soċjali ma jixirqilhomx hekk…anzi jixirqilna li l-eżitu mid-djalogu li jkollna jissarraf f’pakkett ta’ miżuri fl-aħjar interess tal-pajjiż”.

Josef Vella kkonkluda billi għamel appell lill-Gvern sabiex jikkontrolla l-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali, bħall-ikel, il-mediċini u prodotti tal-iġjene “għax għad insibu ruħna f’sitwazzjoni fejn biex tixtri xi ħaġa essenzjali trid tbigħ id-deheb”.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment