Il-UĦM Voice of the Workers tilqa’ l-aħbar dwar il-ftehim politiku proviżorju li ntlaħaq fil-jiem li għaddew bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri sabiex tkun introdotta direttiva rigward il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-ġenituri u l-carers. L-istess direttiva se tkun qed tintroduċi rekwiżiti bażiċi li jeħtieġu jiġu implimentati mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-union faħħret lill-Ewro Parlamentari Nazzjonalista David Casa li kien strumentali fin-negozjati ta’ din id-direttiva.
Il-UĦM Voice of the Workers hi favur din id-direttiva li taqsam ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri. Id-direttiva tesiġi li l-qsim tar-responsabbiltajiet mhux biss jagħmel tajjeb għall-ulied u jagħti l-għażla għal aktar nisa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, imma wkoll għax jinċentiva lill-irġiel biex ikunu iżjed attivi fit-trobbija tal-ulied.
Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq li l-aktar ħaġa importanti fil-kunċett tal-work-life balance hi li jinħoloq bilanċ ta’ veru filwaqt li min iħaddem ikun jista’ jżomm lill-impjegati li għandhom l-esperjenza.
Fiż-żminijiet tal-lum, ħafna impjegati jesiġu li l-post tax-xogħol ikollu inċentivi bħal dawn għax jafu li jekk ma jgawdux minn tali benefiċċji, jistgħu jaslu biex saħansitra jirriżenjaw mill-impjieg.
Din il-union tikkontendi li jekk fid-dinja mgħaġġla u mħabbta tal-lum, ma nagħtux dak li hu bi dritt lit-tfal, bħall-attenzjoni, il-ħin kwalitattiv mal-ulied u trobbija soda, allura inkunu qed inwasslu lill-popolazzjonijiet Ewropej, partikularment dik Maltija, b’għajxien karatterrizzat minn sisien fraġli u nieqsa mill-valuri.
Il-UĦM Voice of the Workers issostni li dan il-bilanċ tant meħtieġ bejn ix-xogħol u l-familja, joħloq ħajja aħjar fil-post tax-xogħol, ħajja aħjar fil-familja u fuq kollox trobbija tal-ulied aħjar għal ġejjieni aħjar.
Il-UĦM Voice of the Workers tesiġi li dawn il-miżuri jkunu disponibbli immedjetament għal kulħadd fil-post tax-xogħol.