L-importanza li jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, li l-ekonomija toħloq impjiegi li jħallsu tajjeb u li l-ħaddiema ma jħallux il-partiġjaniżmu politiku jifridhom kienu enfasizzati mill-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella. F’intervista li saret bħala parti mill-attivitajiet li l-union organizzat fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, Vella tkellem dwar l-impatt tal-pandemija, id-djalogu soċjali f’Malta kif ukoll xejriet ekonomiċi li qed iqajmu tħassib.
COVID-19
Dwar il-COVID-19, hu sostna li l-esperjenza wriet li l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika mhux dejjem tħallew f’libertà assoluta fid-deċiżjonijiet. “Ħafna drabi sibna ruħna f’din il-pandemija li l-ewwel jitilgħu il-każijiet u mbagħad nieħdu l-miżuri,” Vella qal. Kien għalhekk li l-Gvern mhux dejjem kellu kontroll tajjeb tas-sitwazzjoni.
Bilanċ bejn xogħol u familja
Il-kap eżekuttiv esprima tħassib li mhux qed ikun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, tant li flok il-ħarġa tal-Ħadd qed jispiċċaw imorru s-supermarket. “Il-fatt li ħafna ġenituri qed jispiċċaw iqattgħu il-Ħdud jagħmlu x-xogħol tad-dar li ma jistgħux jagħmlu matul il-ġimgħa qed joħloq pressjoni psikoloġika fil-familja, u anki fir-relazzjonijiet għax qatt ma tħossok mistrieħ.” Hu għalhekk Importanti li bħala pajjiż verament ikollu politika li tassigura li l-ekonomija qegħda hemm għall-bniedem u mhux bil-kontra.
Il-ġid mhux qed jasal għand kulħadd
Mistoqsi dwar studju li sar dan l-aħħar mill-Eurofound li 40% tal-ġid f’Malta jinsab għand l-iktar 5% sinjuri tal-popolazzjoni waqt li l-ifqar nofs tal-popolazzjoni għandhom biss 12% tal-ġid tal-pajjiż, Vella qal li dan jikkonferma kemm il-ġid mhux qed jasal għand kulħadd. “Il-ħaddiema bħalissa qed jitilfu minn dak li hu l-qligħ globali tal-pajjiż. Għalhekk importanti li jkunu fi trade union għax nafu li d-dħul tagħhom hu ikbar minn dawk li mhumiex. Din tista’ tkun soluzzjoni għal ħaddiema biex innaqqsu dan id-distakk.”
Active labour market policy
Il-kap eżekuttiv irrefera għat-tfassil tal-politika l-ġdida dwar ix-xogħol u sostna fuq il-bżonn li din tixpruna ekonomija ta’ kwalità mhux tal-kwantità u c-cheap labour. “Bħala pajjiż żgħir nimportaw kemm nimportaw nies, qatt ma nistgħu nikkompetu ma’ pajjiżi kbar u żgur li dik mhux l-aħjar triq għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli. Importanti wkoll li l-poplu ma nġibuhx robots u nkejlu biss kemm qed jipproduċi. F’din il-policy irridu nħarsu l-work-life balance – prinċipju Ewropew li mhux biss irridu inħaddnuh imma nsarrfuh.”
Theddida għad-demokrazija industrijali
Dwar l-azzjonijiet industrijali fis-settur tas-saħħa, Vella ċċara li din kienet l-unika triq li kien fadlilha l-union wara li l-Gvern ma kienx interessat li jsib soluzzjoni madwar mejda, waqt li irrefera għall-kwistjoni tal-ħaddiema ta’ Steward. “Din il-union għandha ftehim bil-miktub mingħand il-Gvern imma li l-Gvern ma żammx kelmtu dwaru. Meta Gvern jimbotta lill-union sal-limitu li trid tieħu azzjoni industrijali u mbagħad imur il-Qorti biex jagħmel mandat ta’ inibizzjoni biex iwaqqaf il-union, hu disprezz lejn id-demokrazija industrijali. Qed nilgħabu man-nar u dan żgur mhux ta’ benefiċċju għad-djalogu soċjali.”
Korruzzjoni u kejl differenti għal ħaddiema
Mistoqsi dwar l-iskandli ta’ korruzzjoni u tixħim li ħarġu fl-aħħar sena, Vella qal li dawn qed inaffru l-investiment barrani u magħhom qed ibatu l-ħaddiema għax qed jitilfu opportunitajiet ta’ xogħol tajjeb. “Meta wieħed jara l-miljuni li ħadu Vitals u Steward u li ħadd ma jaf eżattament ta’ xiex ħaduhom, waqt li l-Gvern ikaxkar saqajh biex jagħti l-ftit, il-frak lill-ħaddiema u nsibu diffikultà u ngħidu li m’għandniex flus u nwaħħlu fil-pandemija. Dan jinkwetani u jweġġani bil-kbir.” Hu kompla li l-UĦM kienet ilha twissi dwar dan mill-2016 u sfortunatament ngħatat raġun. “Id-daqqiet ekonomiċi ħadnihom u naħseb li importanti li dan il-kliem meta jsir b’mod ġenwin mhux jintefa taħt it-tapit iżda nirriflettu fuqu biex ma nirrepetux l-istess żbalji.”
Bżonn li l-ħaddiema ma jħallux il-politika partiġjana tifridhom
Fl-appell tiegħu għal Jum Il-Ħaddiem il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers appella biex il-ħaddiema jieħdu t-tilqima kontra l-COVID-19 biex jgħinu l-pajjiż jibda ġej għan-normal. Vella appella wkoll għall-għaqda. “Il-union qegħda hawnhekk biex taqbeż għad-drittijiet tal-ħaddiema, ittejbilhom il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tagħhom. M’għandux ikun hemm partiġjaniżmu politiku f’dan kollu. B’hekk il-ħaddiema jingħaqdu u jkunu moviment b’saħħtu biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom li minnhom igawdu wkoll il-familji tagħhom.”