Il-UĦM Voice of the Workers tikkontendi li dan huwa budget li qed jindirizza pockets tas-soċjeta’ imma min-naħa l-oħra huwa nieqes minn viżjoni ekonomika fit-tul.
Din il-union tinnota li dan il-Budget ikopri numru ta’ inizjattivi pożittivi, bħall-għajnuna lill-pensjonanti bl-għoti ta’ €4.50 fil-ġimgħa inkluż il-COLA; iż-żieda ta’ ġurnata leave; it-tneħħija tal-miżati għall-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC kif ukoll mediċini kontra l-kanċer li se jingħataw b’xejn mill-Gvern.
Madankollu, il-UĦM Voice of the Workers tinsab diżappuntata għax numru ta’ proposti mressqa minnha ma ġewx ippreżentati. Wieħed isemmi l-mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-pagi tal-ħaddiema u mhu qed isir xejn biex nindirizzaw is-sitwazzjoni tal-ħaddiema barranin li qed innaqqru min-negozjar kollettiv. Din il-union trid li x-xogħol ikun ta’ iżjed kwalita’ u li jrendi pagi aktar tajbin għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.
Il-UĦM hi kontra l-Home Equity Release għax permezz tagħha l-pensjonant Malti jrid ibigħ daru biex ikun jista’ jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ pensjoni. Min-naħa l-oħra, il-UĦM Voice of the Workers tesiġi li għandna nkunu ċittadini li ngħaddu l-proprjeta’ tagħna lill-ġenerazzjoni ta’ warajna.
Dwar l-Equity Sharing Scheme, il-UĦM Voice of the Workers qed tgħid li fil-prinċipju din hi skema tajba iżda s’issa hi nieqsa minn ħafna dettall u ma tafx sewwasew kif se titħaddem.
Rigward is-surplus, li rreġistra kważi €400 miljun, il-UĦM tfissru bħala xi ħaġa pożittiva imma kienet tistenna li surplus bħal dan jifrex iżjed man-nies u jasal iżjed f’idejn in-nies. Barra minn hekk għandu jkun hemm investiment lejn l-ekonomija b’viżjoni aktar fit-tul. Dan biex f’Malta jkollna s-setturi kollha tagħna jinbottaw ħalli jagħtu pagi iżjed diċenti għall-ħaddiema.