fbpx

Budget Reattiv Imma Mhux Inovattiv

Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-Budget 2021 qal li ż-żieda ta’ ġurnata leave li żdiedet għall-ħaddiema hija proposta pożittiva għax hija benefiċċju għall-ħaddiema kollha. Inizjattiva oħra pożittiva hija li l-Gvern se jerġa’ jiġġenera l-ekonomija permezz tal-Vouchers u tax refund.

Josef Vella qal li l-UĦM stenniet iktar minn dan il-Budget fil-qasam tad-dawl  u l-ilma għall-familji l-iżjed fil-bżonn. Min-naħa l-oħra, huwa ta’ benefiċċju t-titjib fiċ- Children’s Allowance u żidiet għall-pensjonanti. Il-UĦM Voice of the Workers ippretendiet li dan se jkun budget inovattiv għax il-pajjiż għandu sfidi li jirrikjedu l-innovazzjoni, kemm mil-lat ta’ Governanza, kif ukoll minħabba l-pandemija li qegħdin fiha. Matul din il-pandemija rajna prezzijiet jiżdiedu u għalhekk euro u ħamsa u sebgħin ċenteżmu mhumiex biżżejjed għall-ħaddiema, pensjonanti u min hu fuq il-benefiċċji soċjali.

Il-UĦM tfaħħar il-miżura tal-Wage Supplement biex jiġu salvagwardjati l-impiegi  u postijiet tax-xogħol li ntlaqtu mill-COVID-19. Il-Budget juri li 45% tas-suq Malti tax-xogħol intlaqat mill-pandemija. Dan juri biċ-ċar  li s-setturi ekonomiċi mhumiex imqassma tajjeb, għax ħallejna settur wieħed, jiġifieri dak tat-turiżmu, jikber ħafna, b’ħafna setturi jserrħu fuq l-istess settur. Għalhekk hemm bżonn injezzjoni fl-ekonomija biex inkomplu nkabbru setturi ekonomiċi oħra.

Il-UĦM Voice of the Workers stenniet li f’dal-Budget ikun hemm miżuri li jrażżnu t-tixrid tal-COVID-19. Miżura li setgħet tgħin dan kienet it-teleworking u dan anke fid-dawl li hawn ħafna xogħlijiet li jistgħu jsiru mid-dar. Però ġie mifli li f’dan il-Budget ma ssemmiex it-telework/remote working. Dan spikka minħabba li diversi Ministri kienu saħqu li hemm bżonn li tiġi mfassla telework policy  fuq bażi nazzjonali. Intant, huma diversi ħaddiema, speċjalment dawk impjegati mal-Gvern, li qed iħossuhom injorati meta x-xogħol jista’ jsir mill-kumdità ta’ darhom mingħajr theddid fuq is-saħħa u sigurtà. Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers tappella lill-Gvern sabiex jadotta politika ċara dwar it-telework u l-pożizzjoni għandha tkun li kulħadd għandu jingħata t-telework u biex jiġi mċaħħad dan jrid ikun hemm ġustifikazzjoni.

Il-UĦM hija diżappuntata li l-Gvern reġa’ ivvota 90 miljun għal Steward Health Care. Dan għaliex il-Gvern qed jippersisti li jħalli lill-barranin jabbużaw mill-ħaddiema li jaħdmu ma’ Steward għad-detriment tagħhom u l-familji tagħhom. Josef Vella saħaq li l-Gvern għandu jsalva lil dawn il-ħaddiema u ma jħallihomx jibqgħu jiġu abbużati mill-flus li qegħdin joħorġu mit-taxxi tagħna.

Fil-Budget li ġie preżentat, il-frontliners ġew biss irringrazzjat bil-fomm imma bl-ebda tip ta’ kumpens. Bi ftit mill-flus li ngħataw lil Steward Health Care stajna tajna bonus lil dawn il-ħaddiema.  Josef Vella saħaq li f’dan il-Budget hemm nuqqas ta’ innovazzjoni u għax ma konniex innovattivi, l-isfidi li ltaqa’ l-pajjiż ma setgħax jdawwarhom f’opportunitajiet. Dan hu Budget li ma ħasibx għall-isfidi tal-lum u ta’ għada. Dan hu Budget ta’ Gvern reattiv imma mhux inovattiv.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment