fbpx

Deal li jqanqal ħafna dubji

“Id-deal li sar bejn il-VGH għal għand Steward Health Care iqanqal diversi dubji.” Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’intervista waqt il-programm Net Live fuq Net Television nhar il-Ħamis 21 ta’ Diċembru 2017. Josef Vella  irreaġixxa għall-aħbar li Steward Health Care se tieħu r-riedni minn fuq il-VGH sabiex tkun tista’ tmexxi l-isptarijiet Karin Grech, Saint Luke’s, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Josef Vella fisser kif il-UĦM u unions oħrajn ġew imsejħa għal briefing  urġenti mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne l-Ħamis 21 ta’ Diċembru 2017 fil-11 a.m. Waqt il-laqgħa  mal-Ministru Fearne,  tqassmet preżentazzjoni lill-unions dwar Steward Health Care.

Josef Vella ma jistax jifhem għaliex kien hemm din l-urġenza meta l-UĦM Voice of the Workers ma kinitx ikkonsultata qabel, u meta l-preżentazzjoni  kienet ilha lesta sa minn Ottubru ta’ din is-sena. “Fil-preżentazzjoni m’hemmx tagħrif dwar trattati ma’ union”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, filwaqt li żied li “l-union kienet qed tippretendi li jkun hemm aktar informazzjoni u li l-mistoqsijiet li jsiru jkollhom it-tweġibiet tagħhom”.

Il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice  of the Workers fakkar li l-union kienet l-unika waħda li żammet il-pożizzjoni tagħha, jiġifieri, li ma tirrikonoxxix il-VGH u li qatt ma  nnegozjat mal-VGH. Ir-raġuni hi sempliċi: għax il-union ma tistax tmur għand il-ħaddiema membri tagħha fis-Saħħa u tagħtihom parir kif ukoll tirrispondi mistoqsijiet meta l-union ġiet offruta kuntratt li aktar kellu paġni vojta milli kien fih dettalji.

Fil-laqgħa li saret  mal-Ministru Fearne nhar il-Ħamis 21 ta’ Diċembru, il-UĦM Voice of  the Workers qajmet numru ta’ mistoqsijiet, fosthom, dwar jekk hux se jinbidlu l-prattiċi. “Jekk qabel ma wrejtniex il-kuntratt mal-VGH, issa se turina l-kuntratt li sar ma’ Steward?”, żied il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM.

Josef Vella qal li l-union, biex tagħmel ix-xogħol tekniku tagħha, ma tistax toqgħod fuq dokument li ħareġ fil-media imma tippretendi li l-Gvern jgħaddi tali dokument lilha sabiex tevalwah. Meta wieħed jittratta mal-Gvern fuq settur importanti bħalma  hu s-Saħħa, l-informazzjoni trid tkun  uffiċjali u konfermata mill-istess Gvern. “Il-Gvern irid jirrispondi u jfiehem lill-unions sabiex dawn jispjegaw lill-ħaddiema x’viżjoni għandu l-Gvern  dwar il-qasam tas-Saħħa”, sostna l-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers.

Il-UĦM trid tkun  taf x’ġara mal-VGH biex saret il-qalba  għal Steward Health Care. Din il-union ukoll tistaqsi jekk  il-VGH kellhiex id-dritt li tbigħ lil Steward. “Is-servizz tas-saħħa hu tal-pubbliku Malti u Għawdxi…..allura l-VGH, b’liema jedd setgħet għamlet in-negozjati dwar is-servizz tas-Saħħa  u jbigħuh lil ħaddieħor?”, żied Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM  Voice of the Workers saħaq li l-union u  l-unions relatati l-oħrajn fl-ebda ħin ma  kienu nvoluti fil-proċess, qatt ma kienu preżenti u ma kienu nfurmati b’xejn. Il-UĦM saret  taf minn fuq il-media l-Ħamis 21  ta’ Diċembru 2017 filgħodu; imbagħad irċeviet telefonata dwar sejħa għal laqgħa urġenti.

Josef Vella  fakkar li l-UĦM Voice of the Workers tirrapreżenta firxa wiesgħa ta’ ħaddiema, fosthom, ix-xufiera tal-ambulanzi, ħaddiema fil-caring  stream, l-Allied Health Practitioners, li  jkopru l-fiżjoterapisti, il-lab scientists, id-dental technologists, id-dentisti, u l-ispiżjara. “Aħna mhux qed  nitkellmu fuq nofs tużżana ħaddiema imma qed nitkellmu fuq eluf ta’ ħaddiema”, sostna Josef Vella.

Dawn il-ħaddiema jesiġu t-tweġibiet u  l-UĦM Voice  of the Workers mhix f’pożizzjoni li twieġeb. Ir-rwol tal-union hu li tkun  il-konsulent  tal-ħaddiema. “Iżda biex il-konsulent  ikollu l-parir irid l-ewwel ikun infurmat u bil-preżentazzjoni li ngħatajna m’għandniex informazzjoni biżżejjed li permezz tagħha nkunu nistgħu nkellmu lill-ħaddiema”.

Il-UĦM Voice of the Workers tfakkar li hi qatt ma ffirmat xejn mal-VGH u kienet talbet li jidħol  l-Awditur Ġenerali fil-kuntratt. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers jistaqsi: “X’se jiġri issa, l-Awditur Ġenerali se jidħol jew ma  jidħolx fil-kuntratt?….il-kuntratt li kellu l-VGH hu l-istess kuntratt li għandhom  Steward jew dawn  għandhom  kuntratt ieħor?….u jekk għandhom kuntratt ieħor,  il-UĦM se jkollha kopja tiegħu biex tkun tista’ tifhem aħjar?”. Minn kuntratt wieħed ikun jista’ jara x’inhuma l-obbligi ta’ min se jipprovdi s-servizz. Sfortunatament  dawn il-mistoqsijiet għadhom  fl-arja.

Il-UĦM Voice of the Workers qed twassal  il-messaġġ li jekk irid jinbidel isem,  minn VGH għal Steward Health Care System, ma jfissirx li l-mistoqsijiet intfew u jistgħu jitqiegħdu taħt it-tapit. Din il-union qed tittama li l-attitudni tal-Gvern tkun waħda differenti inkella mhux se jkun hemm  żblokk u l-pożizzjoni tal-UĦM tibqa’  l-istess.

Mistoqsi mill-ġurnalist  Robert Cremona jekk il-UĦM hix komda bil-mod kif sar id-deal bejn il-VGH għal għand Steward Health Care, Josef Vella  wieġeb li l-mod kif il-kwistjoni qed tkun trattata, bil-fors iqanqal id-dubji u min ma jkollux dubji jkun qed jigdeb. Dan  għax jekk wieħed jara l-proċess kollu, fejn kien hemm nuqqas ta’ trasparenza,  fejn fil-verita’ ma kienx hemm negozjati effettivi mal-union, allura bilfors iħalli ċertu dubji. “L-uniku mezz kif wieħed jindirizza d-dubji hu li jkun  hemm djalogu soċjali bir-rispett”, saħaq Josef Vella, filwaqt  li kompla li “nisimgħu tant dwar  id-djalogu soċjali u  bi Gvern li jisma’ imma, fir-realta’ , id-djalogu soċjali kif se jissarraf?…..forsi jgħaddu ftit  xhur oħra u l-union  tirċievi telefonata biex tassisti għal preżentazzjoni oħra?…jew  se mmorru bilqiegħda mal-mejda u ngħidu x’inhu t-tħassib tagħna filwaqt  li nisimgħu x’inhu l-pjan tal-Gvern?”.

Il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li “qabel ma nisimgħu lil Steward irridu nisimgħu lill-Gvern dwar il-pjan tiegħu”. Din il-union tkompli tistaqsi: “x’servizzi se  jingħataw minn Steward?…x’impatt se jkollu s-servizz tas-Saħħa fuq iċ-ċittadin b’mod ġenerali?

Josef Vella temm jgħid li jekk il-viżjoni hi tajba iżda titħalla fl-għama, allura tiġi viżjoni mċajpra. “Allura  wieħed jippretendi, u s-sens komun hekk jgħidilna, li  jekk  hemm  xi ħaġa li  hi tajba, għandna niftaħru biha u mhux inħalluha mistura”.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment