Ħaddiema tas-servizz u s-settur pubbliku li għandhom tfal ta’ 12-il sena jew anqas u li m’għandhomx min jieħu ħsiebhom waqt il-ħin tax-xogħol qed jingħataw direttiva mill-UĦM Voice of the Workers biex jaħdmu mid-dar. Dan il-pass ittieħed fid-dawl tal-mod kif qed ikunu implimentati id-direttivi li tħabbru fl-aħħar jiem b’rabta mal-COVID-19 għall-ħaddiema fis-settur u s-servizz pubbliku.
Filwaqt li l-Union tilqa’ l-miżuri li ħarġu nhar l-Erbgħa, 10 ta’ Marzu 2021 b’mod pożittiv għax jgħinu biex tkun kontrollata l-imxija, tinsab iddiżappuntata li dawn kienu nofs leħja għax ma kienux ikkunsidrati il-ħtiġijiet tal-ġenituri. Kien għalhekk li l-Union iddikjarat tilwima industrijali mal-Gvern u ordnat dawn id-direttivi li se jidħlu fis-seħħ min nhar it-Tnejn li ġej, 15 ta’ Marzu:
- Ġenituri ta’ tfal ta’ 12-il sena jew anqas, li m’għandhomx ma’ min iħallu lil uliedhom għandhom jaħdmu mid-dar. Dan japplika biss għall-ġenitur wieħed u ma japplikax f’każ li ġenitur ieħor ikun disponibbli li jieħu ħsieb it-tfal. Id-direttiva tapplika fil-ġranet tal-iskola kif ukoll hija estiża għal dawk il-jiem meta t-tfal huma reġistrati mal-Klabb 3-16.
- Dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’istituzzjonijiet edukattivi u li xogħolhom jista’ jsir b’remote working, se jingħataw direttiva biex jaħdmu mid-dar.
- Nisa tqal, anke jekk huma front liners, ser jingħataw direttiva biex jaħdmu mid-dar.
Id-direttivi se jibqgħu fis-seħħ sal-11 t’April jew sakemm ikun hemm tibdil fir-restrizzjonijiet.