Il-UĦM Voice of the Workers, tisħaq dwar l-importanza li l-ftehim kollettiv tal-Wasteserv ikun implimentat kollu bl-ebda distinzjoni fost il-ħaddiema.
Il-UĦM u l-Wasteserv irnexxilhom jindirizzaw id-diskriminazzjoni bejn ħaddiema tal-Wasteserv u dawk tal-kuntrattur li qed jagħtu servizz f’din il-kumpanija. Dan sar bi ftehim, li kien storiku, u li kien ta’ sodisfazzjon għall-ħaddiema kollha mingħajr distinzjoni.
Sfortunatament l-istorja irrepetiet ruħha u bħalissa jeżistu sitwazzjonijiet fejn ħaddiema li daħlu f’dawn l-aħħar xhur, mhux qed jirċievu ħlasijiet li huma intitolati għalihom skont il-ftehim kollettiv.
Il-UĦM diġa’ ressqet dawn l-ilmenti mal-Management tal-istess Wasteserv u diġa’ ġew indirizzati wħud minn dawn in-nuqqasijiet.
Madankollu għad hemm ħaddiema li sal-lum għadhom jiġu diskriminati u mhux qed jieħdu dak li ħaqqhom. Iż-żieda fil-ħaddiema fil-Wasteserv, jew ta’ ħaddiema mal-kuntrattur li jagħti servizz lill-Wasteserv, m’għandhiex tkun skuża sabiex jitnaqqru l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.
F’dan ir-rigward, il-UĦM qed tirreġistra tilwima industrijali mal-Wasteserv u qed titlob laqgħa mad-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg (DIER) bl-iskop li jiġu indirizzati dawn l-inġustizzji.
Intant, bħala union rikonoxxuta fil-Wasteserv, il-UĦM Voice of the Workers se tibqa’ taħdem sabiex issaħħaħ dak li sar fil-ftehim preċedenti u tkompli tassisti lill-membri tagħha permezz ta’ diskussjonijiet mal-management fuq problemi li jolqtu lil dawn il-ħaddiema.