L-azzjonijiet industrijali mill-UĦM Voice of the Workers fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se jiħraxu wara li l-gvern injora għal kollox it-talba tal-professjonisti li jaħdmu f’din l-istituzzjoni biex ikollhom kundizzjonijiet xierqa u dinjitużi. Għalhekk b’seħħ minn nhar it-Tnejn 22 ta’ Frar, l-avukati u l-prokuraturi legali mhux se jkunu qed jidhru u mhux se jattendu għas-smigħ tal-każi fil-Qorti tal-Appell Kriminali (Sede Inferjuri). Din id-direttiva ma tapplikax għal dawk l-appelli intavolati mill-Avukat Ġenerali. Id-direttivi li ilhom fis-seħħ mill-14 ta’ Jannar li għadda se jibqgħu attivi.
F’Settembru 2020, il-UĦM rebħet l-għarfien uffiċjali ta’ dawn il-professjonisti. Minħabba li qatt ma kienu koperti b’xi ftehim kollettiv, u anke fl-isfond ta’ riforma mitluba mill-Kummissjoni Venezja, il-union talbet li jibdew taħditiet fuq ftehim kollettiv b’pakkett finanzjarju li jirrifletti dan is-suq. Madankollu, il-maniġment tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rrifjuta li jibdew dawn it-taħditiet u kien għalhekk li fil-bidu ta’ Diċembru l-UĦM irreġistrat tilwima industrijali.
Il-UĦM tfakkar li huwa dritt sagrosant imniżżel fil-liġijiet ta’ Malta illi tinnegozja f’isem il-membri u jekk dan jibqa’ ma jseħħx, l-Avukat Ġenerali tkun qiegħda tonqos mir-responsabbiltajiet tagħha hekk imniżżla skont il-liġi.
Sadanittant, il-kundizzjonijiet xejn attraenti f’din l-istituzzjoni qed iwasslu biex aktar professjonisti jitilqu u jissieħbu fis-settur privat. Tant hu hekk li fl-aħħar sena biss telqu tmien avukati, fosthom tlieta fl-aħħar xahrejn. Sitwazzjoni bħal din qed timmina l-isforzi tal-gvern stess biex idaħħal fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja għax fl-istess nifs qed iżarma l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li hu kruċjali biex ikun hawn is-saltna tad-dritt u l-ġustizzja fil-pajjiż. Għalhekk, il-UĦM twissi li jekk il-gvern se jkompli jinjora t-talbiet tal-avukati u l-prokuraturi legali f’din l-istituzzjoni, lesta terġa’ tħarrax l-azzjonijiet industrijali