“Il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Awtorita’ Maltija tal-Mediċini kien suċċess fejn kulħadd ġibed ħabel wieħed u kulħadd ħareġ rebbieħ”.
Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers f’diskors waqt ċerimonja ta’ iffirmar ta’ ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Awtorita’ Maltija tal-Mediċini.
Hu radd ħajr lill-ħaddiema li lkoll kienu parteċipi f’dan il-ftehim u qal li dan juri l-inklussivita’ fl-andament tal-proċess li kien esegwit.
Josef Vella apprezza l-impenn tal-ħaddiema li marru fuq il-mejda tan-negozjati u kkontribwew b’mod siewi fid-diskussjonijiet li saru. “Djalogu soċjali jitlob li wieħed jilħaq bilanċ fuq il-mejda u f’dan il-każ kienet a win-win situation fejn kulħadd ħareġ rebbieħ”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Hu fisser li kien hemm żmien fejn il-proċess ta’ ftehim kollettiv għall-ħaddiema ta’ din l-Awtorita’ kien qisu tug-of-war, wieħed jiġbed minn naħa u l-ieħor jiġbed minn naħa oħra. Dan il-mod hu detrimentali għaż-żewġ partijiet għax jekk jirbħu l-ħaddiema mingħajr ma jirbaħ is-servizz ikun hemm problema. Jekk jirbaħ is-servizz u ma jirbħux il-ħaddiema, allura l-post tax-xogħol ukoll ikollu problema għax ma jsibx ħaddiema.
Josef Vella stqarr li f’suq tax-xogħol tal-lum, fejn il-ħaddiema saru l-ikbar riżorsa b’esiġenza kbira għall-kwalita’ u l-ħila, hu importanti li l-postijiet tax-xogħol ikollhom ftehim kollettiv ta’ kwalità. Huwa tajjeb li l-pagi jirriflettu r-responsabbiltajiet kbar tal-ħaddiema fl-Awtorita’ imma l-paga, minnha nnifisha, ma toħloqx il-motivazzjoni u mhix inċentiv ta’ kulma jagħmel il-bniedem.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, wera apprezzament kbir lejn l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-ħaddiema. Hu saħaq li hija neċessita’ fundamentali li l-Awtorita’ tibqa’ serja u tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha anki fl-livelli Ewropej.
Hu faħħar ix-xogħol tal-Awtorita’ fuq livell nazzjonali u stqarr li l-ħaddiema għandhom responnsabbilta’ kbira lejn iċ-ċittadin, lejn il-kwalita’ tal-mediċina li tasal għandna u lejn l-infurzar li hemm bżonn isir fl-importazzjoni tal-mediċini.
Deo Debattista, is-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Konsumatur u Valletta 2018, qal li dan il-ftehim intlaħaq b’mod kordjali ħafna. Hu japprezza ħafna x-xogħol li jsir mill-ħaddiema tal-Awtorita’, xogħol dirett lejn il-pazjent, kif ukoll radd ħajr għall-impenn tagħhom fil-liċenzjar tal-mediċini anki barra minn Malta. Is-Segretarju Parlamentari Debattista inkoraġġixxa lill-ħaddiema sabiex itejbu l-livell akkademiku tagħhom, u żied li l-Awtorita’ se timxi ‘l quddiem tant li dalwaqt jitwaqqfu żewġ taqsimiet oħra fi ħdanha, waħda li għandha x’taqsam ma’ medical cannabis u l-oħra li għandha x’taqsam ma’ apparat mediku. Dan sabiex l-Awtorita’ tkompli tikseb suċċess f’dan il-qasam b’risq il-pazjent.
Il-Prof. Anthony Serracino Inglott, iċ-Chairperson tal-Awtorita’ Maltija tal-Mediċini, qal li l-ftehim wassal biex ibbenefikaw iż-żewġ naħat, kemm il-management kif ukoll il-ħaddiema tal-Awtorita’ bl-għajnuna tal-union.
Hu qal l-aħjar servizz li jingħata lis-soċjeta’ hu permezz ta’ ħaddiema li dejjem itejbu l-karriera tagħhom. Il-Prof. Serracino Inglott stqarr li meta wieħed isaħħaħ il-karriera tiegħu, jagħti servizz aħjar lill-klijent u fil-każ tal-ħaddiema tal-Awtorita’, il-klijent huwa l-pazjent.
Iċ-Chairperson tal-Awtorita’ tal-Mediċini żied li fattur ieħor li wassal għal dan il-ftehim hu l-iżvilupp professjonali kontinwu għal kulħadd, mill-iċken tal-grad sal-ogħla wieħed. “Kulħadd irid jimxi ‘l quddiem bil-passi tiegħu u m’hemm ħadd li għandu jibqa’ barra,”sostna l-Prof. Serracino Inglott.
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm Jesmond Bonello, Direttur u Antoinette Aquilina, Direttur u Employment Relations Manager rispettivament għan-nom ta’ UĦM Voice of the Workers.
Mark Cilia, Direttur – Spettorat u Infurzar kif ukoll Gavril Flores – Direttur – Strategy, Operations and Regulatory Affairs, irrapreżentaw lill-Awtorita’ Maltija tal-Mediċini.
Attenda wkoll il-Kumitat tal-Ħaddiema magħmul minn Emma Saliba, Sara Camilleri, Karl De Marco, Kevin Gauci u Analisa Axiaq.