“Il-Ftehim Settorali għall-Ispiżjara se jkun qed jgħin biex l-ispiżjara jispeċjalizzaw fil-karriera tagħhom u jibni futur għal din il-professjoni”.
Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie ffirmat ftehim settorali għall-Ispiżjara li jaħdmu mas-Servizz Pubbliku.
Josef Vella qal li n-negozjati għal dan il-ftehim ħadu l-ħin tagħhom u damu iżjed minn sena. “L-importanti hu li mhux la kemm titlaq tiġri mal-mejda tan-negozjati imma kemm minn din il-mejda toħroġ b’pakkett ta’ kundizzjonijiet li jgħinu lill-ħaddiem, f’dan il-każ lill-ispiżjara”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers.
Hu qal li l-union qed tqis dan il-ftehim bħala strument sabiex iħares lejn il-professjoni b’impenn bl-iskop li din tiżviluppa iżjed. Josef Vella stqarr li llum wieħed ma jistax jieqaf biss mas-salarju tal-impjegati imma l-impjegati stess jixprunaw lil UĦM Voice of the Workers biex issaħħaħ il-professjoni
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-imħabba u l-ħeġġa li hu ra mill-ispiżjara lejn il-professjoni tagħhom għenu biex irriflettew l-istruttura li ġiet imsawwra. “L-iffirmar tal-ftehim li qed isir illum mhuwiex it-tmiem, anzi huwa l-bidu ta’ proċess,” żied jgħid Josef Vella.
Hu qal li minn dan il-ftehim settorali se jkun qed jitwettaq pjan ta’ azzjoni fl-implimentazzjoni tiegħu. Josef Vella jinsab fiduċjuż li ż-żewġ partijiet se jkunu impenjati biex dak li ġie miftiehem jissarraf għall-aħjar tal-professjoni u biex, fl-aħħar mill-aħħar, igawdi l-pazjent.
Hu stqarr li n-nies hemm barra jaraw lil din il-professjoni bħala waħda li tipprovdi s-servizz minn spiżerija fil-komunita’ imma ftit jafu x’funzjoni għandu l-ispiżjar illum. “Din il-professjoni hi kbira u wiesgħa minn dik li l-poplu hu mdorri biha tradizzjonalment”, qal Josef Vella.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers awgura li l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim settorali ssir b’mod gradwali. Josef Vella rringrazzja lit-tim ta’ negozjaturi mill-Ministeru tas-Saħħa mmexxija minn Joe Rapa, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa. Hu rringrazzja b’mod speċjali lil Mario Sacco, Employment Relations Senior Manager; lil Gian Paul Gauci, Assistent Direttur u l-Manager responsabbli mit-Taqsima tas-Saħħa fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers, kif ukoll irringrazzja lill-kumitat tal-ispiżjara tal-union li ħadmu qatigħ fit-twettiq tan-negozjati.
Chris Fearne, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, saħaq li n-negozjati mal-UĦM Voice of the Workers, bħal dejjem ma jkunux ħfief imma jkunu ġenwini. Il-Ministru Fearne qal li ż-żewġ naħat raw li jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema imma wkoll biex ikun hemm tisħiħ fis-servizz għall-ġid tal-pazjent.
Id-Deputat Prim Ministru żied li dan il-ftehim settorali qed idaħħal numru ta’ prinċipji ġodda, fosthom, il-kunċett ta’ speċjalizzazzjoni b’mod formali tal-ispiżjara. Għaldaqstant dawn il-professjonisti se jkollhom struttura formali ta’ kif jistgħu jkomplu jispeċjalizzaw anki ladarba jkunu diġa’ qed jaħdmu bħala spiżjara.
Hu qal li din hi xi ħaġa li għas-snin li ġejjin se tkompli żżid fil-livell ta’ kura li jingħata; dawk l-ispiżjara li jkunu qed jispeċjalizzaw kif ukoll dawk li jkunu diġà speċjalizzaw u spiżjara oħrajn iridu dejjem iżommu ruħhom aġġornati mal-iżviluppi mediċi. Il-Ministru Fearne kompla li b’hekk tkun qed tintgħaraf dejjem iżjed il-ħtieġa tal-Iżvilupp Professjonali Kontinwu.
Fl-aħħar u mhix l-inqas, dan il-ftehim settorali se jkun qed isaħħaħ il-pakkett finanzjarju b’rikonoxximent tax-xogħol li jagħmlu l-ispiżjara. “Ftehim bħal dan jaspira biex iħeġġeġ iżjed żgħażagħ ħalli jaqbdu karriera fil-Farmaċija”, temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.
Intant, 150 spiżjar fis-Servizz Pubbliku se jibbenefikaw minn dan il-ftehim settorali.