Il-UĦM Voice of the Workers issellem lil Gaetano Tanti, eks President tal-UHM Voice of the Workers li miet fl-età ta’ 66 sena. Gaetano Tanti, kien strumentali għal-UHM Voice of the Workers fejn ħadem għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet industrijali u djalogu soċjali. Fil-karriera twila tiegħu jibqa’ mfakkar mhux biss għall-kontribut fil-qasam trejdjujonistiku iżda fuq kollox għall-ħila tiegħu li jsib kompromess anki fl-iktar sitwazzjonijiet diffiċli.
“Għalina li ġejna mrawwmin fit-trejdunjonizmu taħtu, llum tlifna missier. Kellu l-kapaċità teknika, kellu dixxiplina personali kbira fuq x-xogħol iżda fuq kollox ħafna minnha li konna nterqu lejn l-uffiċju tiegħu b’xi problema kbira nafu li diffiċli biex kont tarah jippanikja iżda bi tbissima karatteristika tiegħu dejjem għaraf jiggwidana.” sostna l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal din l-aħbar.
Is-Sur Tanti, beda jaħdem mal-UHM fl-1991, fejn serva f’bosta kariga, fosthom ta’ President tal-UHM mis-sena 1998 -2011.
“Żgur li jibqa’ minqux go qalbna għaliex l-imħabba li kellu li din il-union kienet kbira u forsi għajr martu u ftit ħbieb qrib ħadd ma jifhem x dedikazzjoni kellu għal din l-Union,” Vella qal.
Nieħu l-okkażjoni biex f’isem il-maniġment, s-sezzjonijiet u l-familja kbira tal-UHM nibgħat l-kondoljanzi lil martu Rose u lill-uliedu u l-familja.