Il-UĦM Voice of the Workers turi t-tħassib tagħha li l-Kooperattiva tal-Foremen tal-Ħaddiema tax-Xatt ilha 13-il sena tistenna sabiex il-ftehim tagħha jiġi rivedut.
Din il-union għamlet diversi tentattivi mal-Gvern u saru ħafna wegħdiet imma sal-lum għadu ma ġie materjalizzat xejn. L-għixien tal-familji ta’ dawn il-ħaddiema jiddependi mill-ftehim li jsir mal-Gvern. Sfortunatament dan il-ftehim, sal-lum, għadu ma ġiex rivedut.
Il-UĦM Voice of the Workers qed titlob li minnufih jitkomplew it-taħditiet mal-Gvern sabiex il-ftehim ma jibqax iktar pendenti u jkun hemm ġustizzja mal-foremen tal-ħaddiema tax-xatt u mal-familji tagħhom.
Il-Kooperattiva tal-Foremen tal-Ħaddiema tax-Xatt u l-UĦM Voice of the Workers kienu ltaqgħu mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u wkoll kienu ngħataw ir-raġun. Jidher li r-raġun ingħata biss bil-fomm għax il-Gvern għadu sal-lum jiċħad li jtejjeb l-pożizzjoni ta’ dawn il-ħaddiema.
Il-UĦM Voice of the Workers tfakkar li dawn il-ħaddiema kienu indispensabbli fil-bidu tal-pandemija tal-Covid 19. Il-Foremen tal-Ħaddiema tax-Xatt kienu kruċjali u baqgħu jagħtu servizz biex il-merkanzija ddestinata għal Malta tibqa’ dieħla fis-suq Malti mingħajr xkiel.
Sfortunatament wasalna fil-punt li dawn il-ħaddiema ma jistgħux jibqgħu jistennew. Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers qed tagħti pre-avviż ta’ tilwima industrijali li tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2020. Il-UĦM Voice of the Workers qed tappella lill-Gvern biex jagħti l-importanza lill-Kooperattiva tal-Foremen tal-Ħaddiema tax-Xatt ħalli jiġi evitat inkwiet industrijali b’ebda riperkussjoni fuq l-ekonomija Maltija f’dan iż-żmien sensittiv.