Ħlas dovut lill-ħaddiema ta’ Transport Malta: l-UĦM tesiġi ħlas sħiħ sa nofsinhar ta’ nhar it-Tnejn
L-UĦM – Voice of the Workers irreġistrat tilwima industrijali ma’ Transport Malta wara li diversi impjegati rrappurtaw li ma rċevewx il-ħlas kollu dovut lilhom. L-UĦM għamlitha ċara mal-maniġment tal-Awtorità li tali tnaqqis mill-ħlas dovut huwa abbużiv u inaċċettabbli.
L-UĦM qatt mhi ser taqbel mal-abbużi, isiru minn min isiru, la min-naħa tal-ħaddiema u wisq anqas min-naħa tal-Awtorità. Kull allegazzjoni konkreta ta’ abbuż għandha tiġi investigata u trattata b’mod konsistenti u ġust. F’dan ir-rigward, jekk hemm xi nuqqas fir-reġistrazzjoni tal-attendenza, l-Awtorità għandha tivverifika l-attendenza u x-xogħol imwettaq permezz tas-superviżuri u tar-rekords operattivi tagħha. L-UĦM mhi ser taċċetta qatt li ħaddiem jiġi mċaħħad mill-ħlas dovut lilu għal xogħol li jkun wettaq.
L-UĦM tinsisti li sa nofsinhar tat-Tnejn, 30 ta’ Novembru, kull impjegat ikkonċernat irid ikun irċieva l-ammont sħiħ dovut fil-kont bankarju tiegħu. Jekk il-ħlasijiet ma jsirux sa dak il-ħin, mit-Tlieta, 1 ta’ Diċembru, l-Uffiċjali tal-Infurzar ma għandhomx joħorġu ċitazzjonijiet meta jkun hemm xi ksur tar-regoli tat-traffiku, iżda minflok għandhom jiġbdu l-attenzjoni ta’ kull sewwieq b’mod edukat. L-uffiċjali lanqas ma għandhom jagħmlu clamping ta’ vetturi. L-UĦM talbet l-intervent immedjat tad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg sabiex tinstab soluzzjoni qabel jidħlu fis-seħħ id-direttivi. Jekk il-kwistjoni tibqa’ ma tissolviex, l-UĦM se testendi l-azzjoni industrijali għal gradi oħra fi ħdan Transport Malta.