fbpx

Ħtieġa ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ managers li kapaċi jaħdmu fid-dinja diġitali

“Jeħtieġ li jkollna ġenerazzjoni ġdida ta’ managers li kapaċi jaħdmu fid-dinja diġitali”. Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, waqt laqgħa li l-management tal-UĦM kellu mal-Ewro Parlamentari Laburista Alex Agius Saliba fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana l-Ħamis 25 ta’ Ġunju 2020. L-iskop tal-laqgħa kien biex issir diskussjoni fuq rapport li l-Ewro Parlamentari Laburista qed jaħdem fuqu sabiex ikun emendat d-Dritt li Niskonnettjaw Diġitalment.  

Josef Vella stqarr li wieħed irid jifhem x’inhuma l-parametri tad-Dritt li Niskonnettjaw mill-aspett diġitali. Hemm ħaddiema li jibqgħu jirċievu l-emails,  li jużaw il-What’s App u l-Facebook wara l-ħin tax-xogħoltant li mhux qed issir distinzjoni bejn pjattaformi li ġeneralment huma kunsidrati bħala mhux uffiċjali u  allura personali, kif ukoll pjattaformi li huma iżjed professjonali. Josef Vella jemmen li din id-distinzjoni trid issir.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-pjattaformi diġitali m’għandhomx jitħallew għal żminijiet ta’ kriżi u qal li kien ikun ħafna inqas produttiv kieku ma kinux huma waqt il-COVID-19. Josef Vella semma postijiet tax-xogħol li faħħru lill-ħaddiema għax ħadmu bit-telework tant li l-produttività żdiedet. Madankollu, din il-prattiċi tax-xogħol wasslet biex diversi ħaddiema spiċċaw burnt-out.

Hu qal li jkun żball li nkunu riġidi għax it-teknoloġija ma tridx timponi l-ħinijiet tax-xogħol. Josef Vella huwa tal-fehma li l-ħaddiema jridu l-flessibbiltà. “Jekk nintrabtu bi strutturi riġidi nkunu ta’ disservizz lejn il-ħaddiema”, sostna Josef Vella, filwaqt  li żied li min-naħa l-oħra “irid jinħoloq il-bilanċ u tinġieb il-protezzjoni sabiex ma nħallux lil min jabbuża minn dik is-sistema”.

Josef Vella kompla li se tkun diffiċli li ssir direttiva  mbagħad din  tissarraf b’mod effettiv. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma tridx titħalla miftuħa b’tali mod li ma tinħassx jew ma tkunx tista’ taħdem biha. Staqsa jekk għandux ikun hemm protokolli skond il-post  tax-xogħol. Direttiva bħal din ma tistax tistabbilixxi l-ħinijiet tax-xogħol; tali direttiva trid timbotta protokolli li jiġu maqbula.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li d-Dritt li Niskonnettjaw Diġitalment irid jibqa’ dritt tal-individwu u mhux dritt kollettiv.

Hu żied li d-Dritt li Niskonnettjaw  Diġitalment, flimkien mal-pjattaformi tar-remote working, jiddependi mill-attitudni tal-management fil-post  tax-xogħol. Jekk manager ikun jaf xi  jrid mill-ħaddiema, jagħtihom ix-xogħol, jagħtihom id-deadline u jaf xi kwalità se jkun qed jistenna lura  – allura jkun iżjed kalm, ma jkunx reżistenti għal dawn  l-affarijiet u ma jippanikkjax għax għandu ħaddiema bit-telework. Ir-riżultat ikun tabilħaqq wieħed ta’ suċċess.

L-Ewro Parlamentari Laburista Alex Agius Saliba tkellem dwar x’qed jiġri fuq livell Ewropew fuq dan is-suġġett u stqarr  li hu qed imexxi l-idea dwar id-Dritt li Niskonnettjaw. Hu qal li qed nitkellmu fuq dritt li ħareġ minn Franza u jemmen li dan huwa dritt universali għal kull ħaddiem. Alex Agius Saliba qal li dan id-dritt m’għandux ikun ristrett kif qed jiġri f’sitwazzjonijiet fi Franza u  fil-Belġju għal kumpaniji li jħaddmu aktar minn 50 ħaddiem.

Hu qal li ntgħażel bħala rapporteur mill-Kumitat tax-Xogħol tal-Parlament Ewropew sabiex jagħmel rakkomandazzjoni u proposta legali. Sussegwentament il-Kummissjoni Ewropea se tkun marbuta li tikkunsidra l-Abbozz.

Alex Agius Saliba fisser li d-dritt li wieħed ma jkunx online 24 siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa huwa diġà hemmhekk. Mhux qed nitkellmu fuq dritt ġdid imma qed nitkellmu fuq is-salvagwardji u l-infurzar tal-Working-Time Directive. Hu qal li l-problema hi li meta ġiet abbozzata l-Working-Time Directive r-realtajiet diġitali li qed ibidlu l-mod normali kif naħdmu, ma kinux hemmhekk.

Rapport tal-Eurofound sab li, matul il-COVID-19,  68 fil-mija tal-ħaddiema Ewropej li ħadmu bit-telework ħassew li ħadmu iżjed sigħat minn qabel ma faqqgħet il-pandemija.

Idea li ġiet diskussa sabiex id-dritt ikun stabbilit hi l-bażi legali tal-kunċett. Alex Agius Saliba qed jgħin sabiex ikun  hemm regolamentazzjoni taħt il-Working-time directive, jiġifieri li jkun hemm  infurzar ta’ din id-direttiva għal mezzi diġitali. Barra minn hekk irid ikun hemm sett ta’ drittijiet bażiċi li jiskatta meta ma jkunx hemm ftehim settorjali jew ftehim kollettiv.

Fir-rapport tal-Ewro Parlamentari Laburista, se jkunu diskussi t-tracking devices fuq tagħmir li qed jingħata lill-ħaddiema meta jaħdmu mid-dar, tagħmir  li qed joħloq aktar problemi ta’ saħħa mentali fuq il-ħaddiema. Din mhix l-aqwa prattika f’termini ta’ GDPR u d-dritt tal-privatezza.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm Edwin Balzan, Gian Paul Gauci u Mario Sacco, ilkoll Assistent Diretturi ta’ UĦM Voice of the Workers kif ukoll Christina Catania Bonello, Assistenta tal-Ewro Parlamentari Alex Agius Saliba, li pparteċipaw fid-diskussjoni.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment