F’laqgħa li saret mal-kandidat independenti għall-Parlament Ewropew Antoine P. Borg nhar it-Tnejn 15 ta’ April 2019, tqajjem it-tħassib li f’Malta m’hawnx pjan nazzjonali dwar kif se nisfruttaw il-fondi li jinkisbu mill-Unjoni Ewropea.
Antoine P. Borg, li huwa gradwat fil-Computing u jgħix fi Praga, stqarr li jeżistu ħafna fondi Ewropej li l-pubbliku Malti ma tantx jaf bihom, partikularment dawk allokati għar-riċerka. Hu qal li hawn nuqqas mill-Ewro Parlamentari Maltin biex jagħrfu lis-soċjeta’ ċivili b’fondi li hemm disponibbli mill-Unjoni Ewropea.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, qal li l-UĦM Voice of the Workers tinteressaha minn ħafna policies Ewropej li jolqtu firxa wiesgħa ta’ nies. Madankollu hu qal li m’għandux ikun hemm indħil politiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-fondi u jidher li l-Gvern qisu qed iżomm kollox f’idu. Josef Vella żied li l-funzjoni ta’ uffiċċji, bħall-PPCD, trid tkun waħda ta’ outreach dwar l-opportunitajiet li jeżistu għaċ-ċittadini Maltin.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-kunsilli lokali jistgħu jkunu l-mekkaniżmu sabiex il-fondi jkunu sfruttati. Hu żied li lkoll rridu nkunu nafu kemm qed inkunu effettivi fl-użu tal-fondi. Mhux ta’ b’xejn li din il-union tikkritika lill-UE talli ma timmonitorjax dak li qed isir f’Malta.
Josef Vella kompla li l-fondi m’għandhomx imorru għand l-istess individwi u entitajiet. Jekk jibqa’ isir hekk, se jkunu qed ibatu n-nies u jirrenjaw dawk li jridu jdawru r-rota. “Min m’għandux il-viżibbilta’ se jsibha diffiċli biex jikseb il-fondi”, sostna Josef Vella.
Antoine P. Borg wieġeb li bħalissa fl-Unjoni Ewropea hemm problema kbira ta’ burokrazija. Madankollu l-UE qed tivvota biljuni ta’ ewro biex iż-żgħażagħ u l-ħaddiema jsaħħu l-ħiliet tagħhom jew jiksbu oħrajn ġodda.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fisser kif il-union tinvolvi ruħha f’laqgħat u diskussjonijiet mal-MEUSAC u fl-MCESD. Hu qal ukoll li l-UĦM Voice of the Workers tipparteċipa fi proġetti barra minn Malta imma fuq stedina minn networks Ewropej.
Edwin Balzan, Assistent Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers, kien preżenti għal din il-laqgħa u staqsa lil Antoine P. Borg x’inhuma l-ħsibijiet tiegħu dwar ir-riċerka, il-ġlieda kontra l-kriminalita’ u dwar l-egrant.
Dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, Antoine P. Borg qal li jeħtieġ ikun hemm aktar attenzjoni mill-Ewro Parlamentari biex tingħata iżjed enfasi lil dan is-settur. Rigward il-ġlieda kontra l-kriminalita’, Antoine P. Borg qal li l-għeruq tal-problemi ġejjin, fost oħrajn, mill-immigrazzjoni u għax l-ekonomija mhux qed twassal fi bjut in-nies. Hu qal li l-UE m’għandhiex faċilita’ jew riżorsi biex tfittex il-kriminali. Il-kandidat independenti qal li l-Europol għandha tingħata s-saħħa sabiex tiġġieled it-traffikar tal-persuni, l-abbużi li jsiru fuq it-tfal u l-kriminalita’ li sseħħ bejn fruntiera u oħra. Hu qal li jeħtieġ li jinħoloq mekkaniżmu sabiex ikollu tagħrif ta’ persuni barranin li jidħlu minn pajjiż għal ieħor.
Rigward l-egrant, Antoine P. Borg qal li smajna u qrajna dwar min mhux il-proprjetarju tagħha. Il-poplu Malti jrid li ssir investigazzjoni serja sabiex inkunu nafu ta’ min hi.
Bi tweġiba għal mistoqsija dwar l-involviment ta’ din il-union fis-soċjeta’ ċivili, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li l-union hi involuta f’bordijiet u hi rappreżentata fil-EESC tant li tiġi aġġornata bid-direttivi li joħorġu mill-UE.
Antoine P. Borg qal li jkun utli għall-unions li jieħdu sehem f’kumitati Ewropej fejn l-Ewro Parlamentari mhumiex involuti.
Il-laqgħa ssoktat b’diskussjoni dwar iż-żgħażagħ u hawn Josef Vella semma l-pensjoni tat-Tieni Pilastru, jew kif hi popolarment imsejħa minn din il-union – “il-pensjoni taż-żgħażagħ”. Hu stqarr li s’issa ma ntweriet ebda koperazzjoni mill-politiċi, għajr li kienet imsemmija fl-aħħar manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Josef Vella reġa’ saħaq dwar l-adekwatezza tal-pensjonijiet filwaqt li stqarr li jinkwetah id-diskors tal-Prim Ministru meta qal li jekk irridu jkollna pensjoni, il-pajjiż irid li jkollu l-preżenza tal-barranin. Issa jekk dawn il-barranin jibqgħu jgħixu f’Malta, xi darba jew oħra se jirtiraw mix-xogħol u allura jkunu intitolati għal pensjoni. “Ma ninsewx ukoll, kompla Josef Vella, li l-ħaddiema barranin u l-familji tagħhom qed jagħmlu pressjonijiet fuq l-infrastruttura u s-servizzi tal-pajjiż”.
Preżenti għal-laqgħa mal-kandididat independenti Antoine P. Borg, kien hemm ukoll Jesmond Bonello, Direttur u Gian Paul Gauci, Assistent Direttur ta’ UĦM Voice of the Workers.