Il-UĦM Voice of the Workers qed titlob lill-Gvern sabiex jagħti spjegazzjoni ta’ kif jaħdem il-mekkaniżmu dwar iż-żieda fil-prezz tal-gass.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, il-Gvern ħabbar li l-prezz ta’ ċilindru gass ta’ 12-il kilogramma se jiżdied b’€0.50, jiġifieri ġie jiswa €16.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, il-UĦM Voice of the Workers tosserva li skont il-EU Import Price il-prezz tal-gass riċentament għola b’madwar 50 ċenteżmu ta’ Dollaru Amerikan. Il-prezz hu ta’ madwar għal $6.50 kull unit kif jitkejjel għal finijiet ta’ importazzjoni.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, irrimarka li f’Malta l-prezz ta’ ċilindru tal-gass ta’ 12-il kilogramma għola b’ewro f’Lulju u issa għola b’50 ewro ċenteżmi. Dan ifisser li f’sitt xhur rajna żieda ta’ €1.50.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li wieħed irid jikkunsidra li din iż-żieda tħalli impatt fuq ħajjet iċ-ċittadin għax bħalissa hu ż-żmien fejn l-aktar li jsir konsum ta’ gass.
“Hu importanti li jkun hemm trasparenza ta’ kif jaħdem il-mekkaniżmu fiż-żieda tal-prezz tal-gass….dan għax il-prezz tal-gass għandu impatt fuq il-għoli tal-ħajja,” sostna Josef Vella.
Il-UĦM Voice of the Workers tixtieq li meta tkun qed tinħadem il-għoli tal-ħajja (COLA), wieħed ikun jista’ jikkunsidra wkoll il-prezz tal-gass fil-‘baskett’ tal-COLA.