fbpx

Id-direttiva li passiġġieri fuq il-Gozo Channel jibqgħu fil-karozza għandha tkun irtirata

 Il-UĦM Voice of the Workers qed titlob biex id-direttiva li matul il-jiem tal-Karnival il-passiġġieri abbord il-vapuri tal-Gozo Channel “ikunu mħeġġa” jibqgħu fil-karozzi matul il-vjaġġ tkun irtirata immedjatament. Dan minħabba l-fatt li prattika bħal din tmur kontra konvenzjonijiet marittimi internazzjonali dwar is-sigurtà kif ukoll il-protokolli tal-Gozo Channel innifisha. Id-direttiva kienet tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet nhar is-27 ta’ Jannar li għadda u se tkun fis-seħħ bejn nhar il-Ħamis 11 ta’ Frar u l-Erbgħa 17 ta’ Frar.

Il-UĦM li tirrapreżenta l-ħaddiema tal-Gozo Channel, kien ġibdet l-attenzjoni tal-kumpanija dwar dan il-periklu immedjatament. Barra minn hekk kienet insistiet biex isir risk assessment indipendenti, dwar il-prattika li passiġġieri jibqgħu fil-karozza matul il-vjaġġ. Fin-nuqqas ta’ dan, il-kaptani tal-Gozo Channel mhux se jerfgħu responsabbiltà ta’ xi konsegwenzi li jista’ jkun hemm b’din id-direttiva. Il-UĦM tixtieq tesprimi wkoll it-tħassib tagħha għall-fatt li qed tinħoloq konfużjoni abbord, b’xi passiġġieri jirrifjutaw li joħorġu mill-karozza fost rimarki bħal “tgħid mhux ser nisma’ minnek u ninjora l-Prim Ministru”. Kummenti bħal dawn qed ikunu indirizzati lejn il-ħaddiema u l-uffiċjali tal-Gozo Channel.

Għaldaqstant il-UĦM se tibqa’ tinsisti biex jinħareġ avviż mill-awtoritajiet konċernati biex tkun irtirata din id-direttiva u fl-istess ħin tkun iċċarata s-sitwazzjoni fl-interess tas-sigurtà ta’ dawk kollha li jaqsmu l-fliegu. Lil hinn minn din il-kwistjoni il-UĦM issostni li jkun żball jekk l-awtoritajiet jaħsbu li billi tikkontrolla l-moviment tal-passiġġieri matul in-nofs siegħa tal-vjaġġ biss se tkun qed twaqqaf mit-tixrid tal-pandemija. L-esperjenza ta’ żmien il-festi meta l-każi attivi splodew għax kien hemm min għalaq għajnejh għar-restrizzjonijiet tal-COVID-19, uriet li biex is-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll għandu jkun hemm strateġija wiesgħa li tħares lejn l-aspetti kollha ta’ kif din il-pandemija tista’ tinxtered u mhux biss miżuri kożmetiċi.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment