fbpx

Il-Gvern ma żammx kelmtu mas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali

Il-Gvern qed ikaxkar saqajh biex iwettaq il-proposta tal-manifest elettorali Laburista tal-2017 fejn kien wiegħed li s-Segretarji Eżekuttivi fil-Kunsilli Lokali ikunu inkorporati fi Skala 4 tas-settur pubbliku u jingħataw il-benefiċċji kollha addizzjonali ma’ din l-iskala. Dan wassal biex il-UĦM Voice of the Workers tirrikorri għal azzjonijiet industrijali fejn is-Segretarji Eżekuttivi mhux qed jagħmlu użu minn mezzi ta’ komunikazzjoni bħal email u telefon. Aktar minn 80 fil-mija tas-Segretarji Eżekuttivi qed isegwu din id-direttiva.

Fil-manifest elettorali ‘L-Aqwa Żmien’ kien ġie imwiegħed li s-Segretarji Eżekuttivi kienu se jiġu inkorporati fi skala taċ-Ċivil u jkollhom rikonoxximent bħala officer-in-scale.  Il-UĦM tinnota li minkejja li kważi sena ilu, f’Ġunju 2020, il-Gvern kien iddikjara li implimenta 76 fil-mija tal-manifest elettorali Laburista tal-elezzjoni ġenerali tal-2017, il-wegħda lis-Segretarji Eżekuttivi ma twettqitx.

Dan ixejjen għal kollox dak li qalet dan l-aħħar l-Assoċjazzoni tal-Kunsilli Lokali f’messaġġ lis-sindki li fih ipprovat tiġġustifika l-offerta li għamel il-Gvern li fil-verità hi ferm inferjuri għal dak li kien imwiegħed erba’ snin ilu.

Jekk il-Gvern għandu għal qalbu l-Kunsilli Lokali u jinsab kommess li jimplimenta bis-serjetà l-manifest elettorali għandu minnufih iressaq proposti li jirriflettu dak li kkommetta ruħu dwarhom fl-2017.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment