Il-UĦM Voice of the Workers tistenna li l-Gvern jaġixxi u jlaqqa’ l-imsieħba soċjali sabiex kemm jista’ jkun jiġi minimizzat ir-riskju li jitfaċċaw każijiet ta’ Coronavirus f’Malta.
Din il-union qed tappella lill-Gvern sabiex issir laqgħa urġenti fi ħdan l-Employment Relations Board (ERB) fejn hemm rappreżentanza tal-imsieħba soċjali kollha.
Sadattant il-UĦM tissuġġerixxi li jitwaqqaf kumitat apposta dwar il-Coronavirus magħmul minn rappreżentanti tal-Gvern, fosthom rappreżentanti mill-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll rappreżentanti ta’ min iħaddem u rappreżentanti mill-unions. Dan il-kumitat għandu jiltaqa’ b’mod regolari sakemm din is-sitwazzjoni ma tibqax ta’ riskju għal Malta.
Filwaqt li tinnota li l-Gvern ħareġ il-pożizzjoni tiegħu dwar il-quarantine leave għall-ħaddiema fis-Settur u s-Servizz Pubbliku, il-UĦM kienet tistenna li l-Gvern bl-istess mod joħroġ avviż legali jew tal-inqas linji gwida ċari għall-ħaddiema fis-settur privat. Il-Gvern ma jridx iħares lejh innifsu bħala employer imma bħala l-Gvern tal-pajjiż kollu.
Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq li fl-ebda ċirkostanza l-ħaddiem m’għandu ibati l-konsegwenzi tal-kwarantina mil-leave tiegħu sakemm ma jkunx iċċarat li jkun hemm abbuż mill-ħaddiema li mxew kontra l-miżuri preventivi maħruġin mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Il-UĦM tistenna li l-Gvern jaġixxi b’mod immedjat sabiex jiġi evitat aktar konfużjoni li qed jirrenja bħalissa minħabba in-nuqqas ta’ informazzjoni u direzzjoni nazzjonali.