It-Taqsima Port u Trasport fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers tilqa’ b’sodisfazzjon l-apprezzament li qegħdin juru l-ħaddiema tal-Malta Public Transport (MPT) dwar il-Ftehim Kollettiv li ġie nnegozjat f’isimhom.
L-istess ħaddiema tal-MPT qed jattendu bi ħġarhom għal-laqgħat li qed torganizza l-union għall-membri tagħha fejn mill-ewwel żewġ laqgħat diġa attendew għaxar darbiet aktar ħaddiema minn meta dawn il-laqgħat saru mal-GWU fuq l-istess Ftehim Kollettiv.
Il-UĦM b’sodisfazzjon tinnota wkoll li mill-indikazzjonijiet li qed juru l-votazzjonijiet, 97.8 fil-mija mil-membri fi ħdan il-UĦM, ivvutaw favur dan il-Ftehim Kollettiv.
Il-UĦM spjegat fid-dettal li dan se jkun l-ewwel Ftehim Kollettiv sħiħ li l-ħaddiema tal-MPT qatt kellhom. Dan għax sal-lum dawn il-ħaddiema kellhom biss sempliċiment agreement ta’ tlett paġni u numru ta’ side letters li lanqas biss kienu jafu bihom.
It-Taqsima Port u Trasport tat id-dettalji kollha fit-tul ta’ dak kollu li se jkopri l-Ftehim Kollettiv il-ġdid. Fl-istess waqt, tat kull opportunita’ lil-ħaddiema biex jistaqsu kull mistoqsija jew diffikulta’ li kellhom fuq l-istess ftehim.
Fil-jiem li ġejjin il-UĦM Voice of the Workers se tkompli torganizza aktar laqgħat, anke ma’ ħaddiema ta’ sezzjonijiet iżgħar biex ir-riżultat aħħari jkun dak li mixtieq u l-Ftehim Kollettiv il-ġdid jiġi approvat.