fbpx

Il-Kostituzzjoni hija l-pedament tas-soċjeta’

“Id-diskussjoni dwar il-Kostituzzjoni għandha tkun hemm għax hi l-pedament tas-soċjeta’.” Dan  saħqu Josef  Vella, il-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice of the Workers, f’laqgħa li din il-union kellha ma’ rappreżentanti minn Repubblika, grupp ta’ persuni mis-soċjeta’ ċivili li jaħdem favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Il-laqgħa saret fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana, nhar it-Tlieta 14 ta’ Mejju 2019.

Il-grupp Repubblika kien immexxi minn Marion Pace Asciaq, bħala ċ-Chairpersonad interim akkumpanjata minn Vicki-Ann Cremona u Manuel Delia.

Marion Pace Asciaq qalet li aktar milli ssir diskussjoni fuq il-proposti dwar ir-riforma tal-Kostituzzjoni, aktar huwa importanti li nitkellmu dwar il-proċedura u kif ir-riformi se jitwettqu.

Repubblika qed tipproponi li l-isteering committee jibqa’ jeżisti imma ma jkunx l-uniku. F’dokument imħejji minn Repubblika, ġew proposti ħames organi li jkopru l-unions u s-soċjeta’ ċivili li jkunu parti mill-proċess. Repubblika qed tisħaq li r-riformi ma jsirux bil-ħabi u b’mod sigriet imma li, minbarra l-grupp ta’ esperti, jkun hemm grupp ta’ nies (il-ġurati tan-nies) li jisimgħu x’qed jinħema u jkunu ċerti li r-riforma li tkun qed issir tkun mifhuma minn kulħadd.

Vicki-Ann Cremona, waħda mill-fundaturi ta’ Repubblika, qalet li Repubblika  tinsab inkwetata fuq il-fatt li m’hemm ebda ħsieb  fuq il-proċess. Hi qalet li l-poplu għandu jkun jaf x’inhi l-Kostituzzjoni għax il-maġġoranza tan-nies ma tafx x’inhi.

Manuel Delia, fundatur ta’ Repubblika, qal li l-Kostituzzjoni hija l-għodda li tiddefenixxi l-limitu tal-poter tal-istituzzjonijiet. Hu qal li diġa’ għandna kultura fejn dawn il-limiti nqabżu; għandna wkoll ċirkostanzi fejn il-qrati konsistentement isibu li l-Gvern ikun qabeż dawn il-limiti. Manuel Delia stqarr li l-opportunita’ li teżamina l-Kostituzzjoni hija l-opportunita’ biex din tkun disinjata sabiex tilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies. Hu qal ukoll li Repubblika hija sensittiva ħafna fuq l-argument tat-trasparenza.

Josef Vella,  il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, fisser li fil-konferenza biex tfakkar Jum il-Ħaddiem u li saret fis-26 ta’ April, din il-union riedet tisħaq mad-delegati preżenti biex ma jibqgħux iħarsu lejn il-Kostituzzjoni bħala xi ħaġa superjuri. Il-ħaddiema jridu jedukaw ruħhom dwar it-tifsira u l-importanza tal-Kostituzzjoni. Hu qal li mhux il-Kostituzzjoni qed tonqos imma l-applikazzjoni tal-Kostituzzjoni. Josef Vella żied li dak li mhux kostituzzjonali  ma jistax jibqa’ ireġi.

Vicki-Ann Cremona kompliet li dan jista’ iħalli lok għal abbuż min-naħa tal-imħallfin għax jekk imħallef jinterpreta l-Kostituzzjoni differenti minn imħallef ieħor, jista’ jaqa’ fit-tentazzjoni biex jabbuża. Għaldaqstant huwa importanti li l-imħallfin jiġu magħżula b’mod newtrali.

Josef Vella żied li jrid ikollna sistema fejn biex Maġistrat isir imħallef irid jgħaddi minn taħriġ adekwat u jgħaddi minn proċess ta’ skrutinju. Hu kompla li huwa tajjeb li Repubblika qed tixpruna r-riforma tal-Kostituzzjoni imma jkun għaqli wkoll li jkun hemm moviment.

Manuel Delia żied li t-tibdil li għandu jsiru għandu jitwettaq fi proċess li 40 sena oħra jibqa’ ireġi. Hu qal li din il-kawża għandha tkun f’idejn xi ħadd ieħor għax Repubblika qed tipprova tippromwovi l-idea u kompla li s-soċjeta’ ċivili għandha tkun parteċipi f’din l-inizjattiva.

Manuel Delia saħaq li m’għandniex nistennew lill-Gvern jew lill-partiti politiċi li jimlew il-vojt għall-interessi li jaqblilhom. L-uniċi nies li jistgħu jikkontrabilanċjaw huma n-nies li jaħdmu għas-servizz tal-komunita’ u li ma jfittxux irwol istituzzjonali.

Vicki-Ann Cremona kompliet li l-proċess, minnu nnifsu, għandu jkun trasparenti – pass pass. Hi qalet li Repubblika ma tridx li tieħu r-riedni f’idejha, anzi lesta li tiddiskuti l-ideat u tħalli f’idejn ħaddieħor.

Josef Vella żied li Repubblika trid tibqa’ jkollha rwol għax hawn nuqqas kbir ta’ edukazzjoni fil-pajjiż dwar is-sinifikat tal-Kostituzzjoni. Hu staqsa għaliex union għandha ssolvi l-kwistjonijiet kollha tagħha fil-Qorti. “Din hi d-demokrazija?….possibbli r-raġuni m’għandhiex twassalna biex insibu s-soluzzjonijiet,” staqsa il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers. Josef  Vella saħaq dwar il-bżonn li l-Kostituzzjoni nagħmluha tagħna – kif se nipperswadu lin-nies li l-Kostituzzjoni jagħmluha tagħhom.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment