fbpx

Il-UĦM issejjaħ għar-riżenja taċ-Chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir

Il-UĦM Voice of the Workers ordnat azzjonijiet industrijali fl-Awtorita’ tax-Xandir u sejħet għar-riżenja taċ-Chairperson,  Tanya Borg Cardona.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Awtorita’ tax-Xandir fil-Ħamrun, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the Workers, fisser li wara xhur ta’ intimidazzjoni, bullying u tgħajjir, il-ħaddiema ma jifilħux iżjed u l-union qed taġixxi permezz ta’ azzjonijiet industrijali.

B’effett immedjat il-ħaddiema fl-Awtorita’ tax-Xandir mhux se jkunu qed jirrispondu emails u telefonati; ma jipproċessawx ħidma fuq xogħol ta’ monitoraġġ fuq ġrajjiet kurrenti u aħbarijiet; ma jipproċessawx pagamenti ħlief il-pagi tal-ħaddiema tal-Awtorita`; ma jsirux recordings għal barra; ma jsirux uploads tal-minuti scanned; u x-xufier isuq biss karozzi tal-Awtorita`.

Josef Vella qal li l-UĦM Voice of the Workers qed tappoġġja  lill-ħaddiema li fix-xhur li għaddew, taħt amministrazzjoni ġdida, ġarrbu diversi diffikultajiet u ġew akkużati li huma ħaddiema għażżenin.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr  li jekk wieħed mill-ħaddiema jsofri fuq livell individwali, il-union se tkun qed tgħinu biex jagħmel ir-rapporti neċessarji, inkluż rapporti lill-Pulizija.

Fisser kif l-Awtorita’, li għandha 23 ħaddiem, dejjem kellha rwol nazzjonali u importanti u qatt ma kienet fl-aħbarijiet għal raġunijiet ħżiena; il-UĦM qatt ma semgħet li l-ħaddiema huma żejda, jew li m’humiex kapaċi u ma jridux jaħdmu.

Din is-saga ilha għaddejja sa minn Ottubru 2016 u wieħed mill-messaġġi li  jrid jitwassal minn din  il-union lill-awtoritajiet hu li meta persuna tkun żejda l-management irid jiddeċiedi. Imma  jekk hemm 23 ħaddiem minn 23 li  huma żejda, hu min imexxi li jrid jieħu ħsieb u jitlaq ‘il barra u mhux il-kuntrarju.

“Trid tkun arroganti biex issib workforce sħiħa u tgħid li l-ħaddiema kollha huma żejda”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers. Hu stqarr li dan l-atteġġjament jimpinġi ikrah ħafna meta nafu li din hi s-sena pajjiżna qiegħed fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali. “Jekk din l-Awtorita’ se tkompli tnaqqas mill-awtorita’ tagħha stess fil-qasam tax-xandir, ma nistax nifhem kif din l-Awtorita’, taħt it-tmexxija taċ-Chairperson Tanya Borg Cardona, tista’ tassigura u tissalvagwardja l-interessi taċ-ċittadini li jkollna xandir bilanċjat.”

Fisser kif il-UĦM Voice of the Workers kitbet lill-Prim Ministru u flimkien mal-ħaddiema esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-operat fl-Awtorita’ u l-attitudni taċ-Chairperson lejn il-ħaddiema. Il-ħaddiema ppreżentaw petizzjoni u talbu lill-Prim Ministru biex jintervjeni.

“Ma jistax ikun li f’dan il-pajjiż, f’sitwazzjoni bħal  din, it-tweġiba tal-Prim Ministru tkun li se jkun qed jisma’ il-preokkupazzjonijiet tal-ħaddiema bl-iskop li tinstab soluzzjoni”. It-tweġiba tal-Prim Ministru ilha li waslet mill-24 ta’ Frar 2017 imma s’issa “għad m’hawnx riħa ta’ soluzzjoni aħseb u ara kemm hawn soluzzjoni”, sostna Josef Vella.

“Mhux talli hekk, talli jidher li waqt li bil-fomm qed ngħidu li rridu naħdmu  flimkien biex  insibu s-soluzzjoni,  fil-verita’ l-affarijiet mhumiex hekk.  Anzi sejrin għall-agħar”, żied jgħid Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the Workers spjega kif il-ħaddiema ntalbu biex mill-bini preżenti  jmorru jaħdmu f’binja oħra fil-Belt  li hi erba’ darbiet iżgħar. Staqsa għaliex dawn il-ħaddiema se jmorru jaħdmu f’bini iżgħar li hu ta’ detriment għas-saħħa u s-sigurta’ tagħhom. “Il-fatt li ma ssib lil ħadd li  jrid jirraġuna u kulħadd irid jibqa’ għaddej  bħal romblu, hu xi ħaġa li qed iddejjaq lil din il-union u wisq iżjed lill-ħaddiema kollha”, sostna l-Kap Eżekuttiv  ta’ UĦM Voice  of the Workers.

Din il-union trid twassal messaġġ lill-Gvern li  ekonomija b’saħħitha fil-flus biss ma tagħmilx tajjeb lill-ħaddiema, imma lil min ikun qed jagħmel il-profitti minnha. Il-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir ma jridux biss ekonomija b’saħħitha imma xogħol li jimmotivahom.

Josef Vella tkellem ukoll dwar l-ironija tas-sitwazzjoni fejn l-Awtorita’ għandha karozza li hi mixtrija u hi tagħha, għandha karozza mikrija u ċ-Chairperson għandha l-vettura tagħha li qed tinkera mit-taxxi tal-poplu għal €6,000 fis-sena. Hawnhekk, kompla l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice  of the Workers, għandna żbilanċ fil-miżien għax inqaleb totalment; Gvern  li  jisma’ mhux biżżejjed għax ukoll irid solvi, jattwa u juri lil dawn il-ħaddiema li qed jagħti kas tat-tħassib u l-weġgħat  tagħhom.

Intant meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Josef Vella stqarr  li hu d-dmir tal-UĦM bħala msieħeb soċjali fid-djalogu soċjali biex tara li l-awtoritajiet jissalvagwardjaw l-interess pubbliku. Din il-union tinsab inkwetata għax minbarra l-kwistjoni tal-ħaddiema fl-Awtorita’ tax-Xandir,  l-interess pubbliku qed ikun imminat. “Jekk din l-Awtorita’ illum għandha pedamenti tat-tafal, mela din hi problema li mhux biss tolqot lill-ħaddiema imma liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin…jista’ jkun li l-Gvern qed  juża t-tattika li jnaqqar mis-saħħa tal-Awtorita’, iġibha dgħajfa ħalli fil-proċess elettorali ma jkollhiex is-saħħa.

Sadattant, l-UĦM Voice of the Workers s’issa ma rat l-ebda żvilupp jew esitu mill-petizzjoni li  kienet  preżentata lill-Prim Ministru u jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, il-union bi ħsiebha  teskala l-azzjonijiet.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment