fbpx

IL-UĦM kienet profetika dwar il-kriżi fil-governanza

Il-UĦM Voice of the Workers kienet profetika meta kważi sena ilu kienet ikkummentat, permezz tar-rivista elettronika tagħha Voice of the Workers, dwar il-qagħda fil-pajjiż u kienet saħqet li din  il-leġiżlatura hi tassew karatterizzata  minn ġrajjiet li juru kriżi fil-governanza.

F’dawn  l-aħħar jiem il-Kamra tal-Kummerċ,  l-Industrija u l-Intrapriża kif ukoll l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) ħarġu qatta’ bla ħabel u kkummentaw b’mod voċiferu dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna. Iż-żewġ imsieħba soċjali rreferew dwar  il-kwistjoni tal-governanza fi spazju ta’ jumejn.

F’laqgħa  mal-Prim Ministru nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar, Anton Borg, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, stqarr bla tlaqliq li “m’għandniex inwarrbu r-responsabbiltajiet tagħna biex nesprimu t-tħassib tagħna dwar kwistjonijiet marbutin mal-governanza u nħalluhom jippersistu”.

Arthur Muscat,  il-President tal-MEA, qal fil-laqgħa ġenerali annwali tal-assoċjazzjoni, li l-postazzjoni ta’ Malta ‘l isfel fl-indiċi internazzjonali tal-korruzzjoni “mhix indikazzjoni ta’ governanza tajba”.

Issa ejja npoġġu dawn l-istqarrijiet miż-żewġ esponenti tal-imsieħba soċjali f’kuntest għax dawn huma eku ta’ x’kienet  qalet il-Voice of the Workers fil-ħarġa tar-rivista elettronika pubblikata fit-3 ta’ Marzu 2016.

Bit-titlu ‘Kriżi fil-governanza’, dan il-portal kien qal (u jibqa’ jsostni) li din il-leġislatura hi karatterizzata minn avvenimenti ta’ kriżijiet ta’ governanza. Voice of the Workers kien bassar li konna se nisimgħu b’aktar kriżijiet jew skandli li jaffettwaw il-governanza. L-istess portal ukoll osserva kif meta din il-union kienet f’ċertu fora barra minn Malta, rappreżentanti minn unions barranin ikkummentaw dwar x’qed jiġri f’pajjiżna.

Għalhekk il-UĦM Voice of the Workers kienet ħadet sehem fid-dimostrazzjonijiet nazzjonali – għax ma tridx li d-demokrazija tibqa’ tkun mittiefsa; għax ma tridx li l-liberta’ tal-espressjoni tkun mhedda; u lanqas ma trid li nibqgħu ngħixu fil-korruzzjoni u fid-dell tagħha. Din il-union ukoll trid li l-meritokrazija taġevola lil min verament ħaqqu u li l-affarijiet ikunu trasparenti, mhux fl-għama.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment