“Il-UĦM innegozjat pakkett ta’ inċentivi għall-ħaddiema fil-qasam tas-Saħħa li se jkunu parti mill-proċess tal-Public Private Partnership.”
Dan ġie enfasizzat f’laqgħat li saru lill-ħaddiema membri tal-UĦM tal-Isptar San Luqa u dak ta’ Karin Grech kif ukoll tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex nhar it-Tnejn 2 u t-Tlieta 3 ta’ Novembru 2015. Preżenti għal-laqgħat kien hemm il-Ministru Konrad Mizzi, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne u wieħed mill-investituri Ram Tumuluri.
Il-laqgħat kienu wkoll indirizzati minn Gian Paul Gauci, is-Segretarju tat-Taqsima dwar is-Saħħa u l-Anzjani u għamilha ċara li n-numru preżenti tal-ħaddiema tal-Gvern mhux se jkun mittiefes.
L-uffiċjali tal-UĦM saħqu li l-Union kienet proattiva u fl-2010 kienet diġa ppreżentat qafas fuq il-PPPs. Dan il-qafas ġie iffirmat fl-2012 li kien jinkludu numru ta’ inizjattivi li jissalvagwardjaw l-interessi tal-ħaddiema li jgħaddu minn dan il-proċess. Dawn il-miżuri, illum, huma parti integrali mill-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-Gvern.
Fost l-affarijiet li ntlaħaq qbil dwarhom bejn il-UĦM u l-Ministeru tas-Saħħa, hemm id-dritt li dawn il-ħaddiema jibqgħu ħaddiema tal-Gvern anke jekk dawn jieħdu promozzjoni li tkun offruta mill-investitur privat; id-dritt li jżommu u jtejbu l-paga kif ukoll l-allowance tagħhom skont kif toħroġ jew tiġi riveduta fil-ftehim kollettiv jew dak settorali; u d-dritt li jingħataw bonus ta’ flessibbilta’ ta’ bejn 10 fil-mija u 25 fil-mija jekk jagħżlu li jagħmlu xogħolijiet ulterjuri jew ħinijiet flessibbli. Din l-aħħar għażla se tibqa’ waħda volontarja.
Filwaqt li l-Gvern u l-UĦM qablu li l-miżuri favur il-familja u kull tip ta’ kundizzjoni oħra mhux se tintmiss, is-Segretarju tat-Taqsima Gian Paul Gauci saħaq li għandu jkun hemm memorandum of understanding dwar il-ftehim kollu milħuq. Din it-talba ntlaqgħet mill-Ministru Mizzi u mis-Segretarju Parlamentari Fearne.
Fil-jiem li ġejjin il-UĦM se tissottometti l-ftehim għall-iffirmat. “Ftehim mhux miktub u mhux maqbul bejn iż-żewġ naħat mhux ftehim,”sostna Gian Paul Gauci.
Il-UĦM tisħaq li għalkemm għalissa kollox jidher sabiħ għall-ħaddiema, hi ser tkun qed timxi b’mod kawt u se tara li dak li ġie miftiehem jiġi msarraf.
Ara l-ftehim f’dan il-link: