It-Taqsima Port u Trasport fi ħdan il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) tiċħad b’mod kategoriku l-għajdut qarrieqi li qed idur fil-Malta Freeport Corporation.
Dan għax qed jingħad li l-UĦM qed taqbel, jew għandha xi ħsieb, li jerġgħu jinbidlu l-ħinijiet ta’ dawn il-ħaddiema għal dawk antiki.
Il-UĦM tfakkar li kienet hi li ħadmet qatigħ sabiex irnexxielha tinnegozja l-ħinijiet kurrenti għall-vantaġġ tal-ħaddiema. Għalhekk ma tistax tifhem għaliex hemm min qed jitfa’ dan it-tajn fuq il-UĦM u għaliex qed jiżra dubji dwar l-integrità tagħha.
Il-UĦM twiegħed li ma tinnegoza l-ebda tibdil u ma tilħaq l-ebda ftehim mal-management dwar ebda kwistjoni qabel ma jkun diskuss u approvat mill-ħaddiema konċernati.