Il-UĦM Voice of the Workers tikkundanna l-attakk kodard li kien hemm nhar is-Sibt li għadda fuq uffiċjal tal-infurzar ta’ Transport Malta waqt il-qadi ta’ dmirijietu fl-Imrieħel minn ħaddiema ta’ kuntrattur lokali.
Huwa inaċċettabbli li persuna jmur għal ġurnata xogħol u jkun attakkat, umiljat jew imxekkel milli jaħdem b’xi mod. Ġara x’ġara qabel dan l-attakk, il-vjolenza qatt ma kellha posta imkien fis-soċjetà tagħna, aktar u aktar fuq il-lant tax-xogħol. Irid jinqata’ ż-żmien fejn persuna jew persuni jaħsbu li huma akbar mill-liġi u li jistgħu jagħmlu dak kollu li jridu u li ħadd ma jista’ għalihom.
Il-UĦM tinnota li raġel ta’ 32 sena tressaq b’urġenza il-Qorti u kien kundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sena u mmultat €4,000 wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih dwar dan il-każ. Madankollu, qed titlob lil Transport Malta biex tieħu miżuri biex issaħħaħ is-sigurtà lill-impjegati tagħha f’kull ħin u lok waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.