F’konferenza nazzjonali bit-tema The Future is Today: EY’s Malta Attractiveness Survey 2016, organizzata minn Ernst & Young, Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers fost oħrajn ipparteċipa f’diskussjoni li matulha ġiet trattata l-importanza tal-ħiliet u l-kapital uman fis-suq tax-xogħol. Dan fl-isfond tal-ħidma biex Malta tattira investituri ħalli joħolqu aktar xogħol b’valur miżjud.
L-avveniment ipprovda tagħrif aġġornat lil investituri prospettivi dwar x’għandha x’toffri Malta għall-investiment. Il-konferenza wkoll offriet pjattaforma eċċellenti sabiex isiru l-kuntatti u biex il-parteċipanti jintegraw mal-politiċi.
Għal din il-konferenza attendew aktar minn 500 delegat, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, diversi membri parlamentari, persuni distinti fin-negozju u l-kummerċ kif ukoll numru ta’ kelliema barranin.
Preżenti għall-okkażjoni kien hemm Jeremy Paxman, awtur, xandar u ġurnalist, Jan Peter Balkenende, eks Prim Ministru tal-Olanda, Jan Krzysztof Bielecki, eks Prim Ministru tal-Polonja, Ian Stuart, Group General Manager tal-Bank HSBC u Paul Brody, Technology Sector Strategy Leader fi ħdan il-kumpanija Ernst & Young.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers Josef Vella ħa sehem f’taħdita bit-tema Knowledge To Do What u li matulha kienu preżenti Clyde Caruana, Chairman ta’ JobsPlus, Ir-Rettur tal-Universita’ Alfred J. Vella, Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) u Josef Said mill-kumpanija Konnekt Search & Selection Ltd.
Il-konferenza saret fil-lukanda Westin Dragonara Resort f’San Ġiljan.