Il-UHM Voice of the Workers ordnat azzjonijiet industrijali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wara li l-Gvern rema l-baħar xhur twal ta’ negozjati bl-iskuża tal-elezzjoni ġenerali. Jirriżulta li minkejja li ż-żewġ naħat kienu waslu qrib, it-taħditiet twaqqfu b’deċiżjoni tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni. L-union tinnota li l-pożizzjoni tal-Gvern tikkuntrasta ma’ dak li kien jiġri fil-passat meta t-taħditiet li kienu jkunu fi stadju avvanzat kienu jitkomplew xorta waħda fl-interess tal-ħaddiema involuti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella qal li mhux ġust li wara li l-gvern kaxkar saqajh għal diversi xhur b’detriment għal dawn il-ħaddiema, qed ikompli jtawwal dan il-proċess.
Fid-dawl ta’ dan il-UHM talbet laqgħa formali mas-Segretarju Permanenti Ewlieni sabiex tkun diskussa s-sitwazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi u settorali li t-taħditiet dwarhom waqfu ħesrem minħabba ċ-ċirkolari maħruġa minn dan l-uffiċċju. Il-pożizzjoni li ħa l-Gvern li jkompli n-negozjati wara l-elezzjoni qed toħloq sens ta’ inċertezza fost il-ħaddiema peress li l-elezzjoni tista’ ġġib tibdiliet kemm fil-politiċi kif ukoll fin-nies taċ-ċivil involuti fin-negozjati.
Sadanittant, il-UHM kienet kostretta tieħu l-Ministeru tas-Saħħa u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi il-qorti. Dan wara li naqsu li jonoraw il-ftehima milħuqa f’Novembru tal-2020 biex ħaddiema ta’ Steward li ġew assorbiti mill-Fondazzjoni jingħataw l-istess pagi bħal sħabhom li jaħdmu ma’ din l-entità u mal-Gvern. Jirriżulta li dawn il-ħaddiema ma ngħatawx l-arretrati u tilfu s-snin ta’ servizz li kienu għamlu ma’ Steward b’riżultat li meta kienu trasferiti mal-Fondazzjoni spiċċaw jaqbdu paga inqas. Kien għalhekk li f’Novembru li għadda l-UHM għamlet protest ġudizzjarju li kien sewgit minn kawża l-qorti.
Il-UHM se tibqa’ tiġġieled biex fil-pajjiż ikun hawn djalogu soċjali b’saħħtu u ssir ġustizzja ma’ dawn il-ħaddiema li qed ikunu mċaħħda minn dak li hu tagħhom bi dritt.